Internazzjonali

In-NATO tammetti dwar ‘simulazzjoni ta’ attakk nukleari Russu’ kontra l-Iżvezja

Kelliema għall-Alleanza tan-NATO qalu li l-qawwiet tal-ajru tar-Russja, anqas minn tliet snin ilu, kienu wettqu ‘simulazzjoni ta’ attakk nukleari’ kontra l-Iżvezja waqt li kienu għaddejjin eżerċizzji tal-gwerra.

L-eżerċizzju tal-2013 – fejn kontinġent ta’ ajruplani Russi avviċina l-ispazju tal-ajru Żvediż wara li kein qasam mill-Golf tal-Fillandja – kien wieħed minn diversi eżempji ta’ ‘attakki nukleari finta’ kontra n-NATO u l-alleati tagħha fis-snin riċenti. Dan skont rapport ġdid li ħarġet l-Alleanza tal-Punent.

Is-Segretarju Ġenerali tan-NATO, Jens Stoltenberg, kiteb, fir-rapport annwali għall-2015, li ‘l-manuvri u eżerċizzji tar-Russja, bħala parti mill-iżviluppi militari ta’ dan il-pajjiż, laħqu livelli li ma rajna qatt bħalhom mill-eqqel tal-Gwerra Bierda’.

Ir-rapport kompla li r-Russja, fl-aħħar tliet snin, mexxiet 18 il-eżerċizzju (militari) mingħajr twissija u fuq skala kbira u li wħud kienu jinvolvu aktar minn 100,000 suldat. Jingħad, imbagħad, li ‘l-eżerċizzji kienu jinkludu s-simulazzjoni tal-attakki nukleari fuq Alleati tan-NATO u sieħba tal-Alleanza’.

Fid-29 ta’ Marzu tal-2013, żewġ bombers tat-tip Tupolev Tu-22M3, li kellhom numru ta’ jet-fighters tat-tip Sukhoi bħala skorta, qasmu mill-Golf tal-Fillandja u waslu sa 24 mil ‘il barra mit-territorju tal-Iżvezja, ‘il hinn mill-gżira ta’ Gotland li tinsab madwar 100 mil minn Stokkolma.

L-ajruplani mbagħad daru ‘l hinn wara li wettqu manuvri interpretati bħala bombing runs kontra ‘miri’ li jaħsbu li kienu jinkludu bażi militari fin-Nofsinar tal-Iżvezja u kwartieri-ġenerali ta’ aġenzija tas-servizzi sigrieti barra l-kapitali Żvediża.

L-inċident, dak iż-żmien, kien ħoloq kontroversja fl-Iżvezja għaliex il-militar Żvediż ma kienx ippreparat u kellu jiddependi ‘għal reazzjoni’ fuq il-qawwiet tal-ajru Daniżi li kienu involuti f’missjoni tan-NATO għal moniteraġġ fir-reġjun tal-Baltiku.