Aġġornament miċ-ĊNL: Kif mistenni, kien hemm biss vot wieħed biss kontra l-proposti li l-Mexxej Laburista Joseph Muscat ippreżenta lid-Delegati Laburisti fil-Konferenza Straordinarja li qed tittella’ llejla fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.
Aktar kmieni …
Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat ma tantx jidher li se jsib oppożizzjoni biex ibiddel l-Istatut tal-Partit Laburista skont ix-xewqat tiegħu. Dan hekk kif il-Konferenza Ġenerali Straordinarja ma tantx jidher li inħasset importanti għall-partitarji Laburisti.
Ritratt mibgħut lil NETnews.com.mt miċ-Ċentru Nazzjonali Laburist juri li s-sala ewlenija taċ-ĊNL kienet aktar minn tliet kwarti tagħha vojta. Dawk preżenti se jkunu dawn li japprovaw (jew le) il-proposti mressqa minn Muscat ħalli d-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit ikun jista’ jintagħżel ukoll mill-Grupp Parlamentari Laburista.
Fil-jiem li għaddew, rapporti fuq il-media lokali qalu li l-intenzjoni tal-Mexxej Laburista li jagħmel dan it-tibdil hi ċara: li kif Toni Abela jispiċċa minn Deputat Mexxej, ikun il-Ministru tal-Enerġija Konrad Mizzi li jpoġġi siġġu ma’ siġġu ma’ Muscat fit-tmexxija tal-partit.
//= $special ?>