Għawdex Lokali Saħħa

Pazjenti fil-kurituri fl-Isptar ta’ Għawdex ukoll

Qraba ta’ pazjenti Għawdxin qed jinnutaw is-sitwazzjoni diffiċli fl-Isptar Ġenerali, hekk kif anke hawn, numru ta’ pazjenti qed jinżammu fil-kurituri. Il-qraba li tkellmu ma’ NETnews.com.mt esprimew id-dispjacir u r-rabja tagħhom talli qrabathom qed jitpoġġew fil-kuritur għax m’hemmx post għalihom fis-swali.

Minn informazzjoni li kiseb NETnews.com.mt, il-Female General Ward hi mimlija pazjenti. Din is-sala partikolari tilqa’ madwar 31 pazjent, iżda minħabba li bħalissa hi mimlija, hemm zewġ pazjenti li tħallew fil-kuritur.

Din is-sala qed tilqa’ dak l-ammont ta’ pazjenti fuq direttiva tal-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN), li tgħid li jekk jidħlu aktar pazjenti fil-Female General Ward u s-sala tal-Irġiel ma tkunx mimlija, il-pazjenti nisa jibdew jiddaħħlu fis-sala tal-irġiel.

Madankollu, jirriżulta li anke s-sala tal-irġiel hi mimlija u għalhekk il-pazjenti nisa li qed jidħlu qed jitpoġġew fid-Day Ward, li issa qed tinżamm miftuħa anke filgħaxija u matul il-lejl minħabba li hemm il-pazjenti fiha.

L-informazzjoni li għandna tgħid ukoll li l-Female General Ward tinsab mimlija għax hemm 12-il pazjent li jaqgħu taħt “każijiet soċjali”, jiġifieri li qed jistennew biex imorru f’xi Residenza. Dan juri kif kważi nofs il-pazjenti f’din is-sala m’għandhomx għalfejn jinżammu hemm.

Konsegwenza ta’ dan kollu, pazjenti nisa li għandhom bżonn is-servizz tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex qed jispiċċaw fil-kurituri.