Internazzjonali

Kundanna għall-prova ta’ rokit mill-Korea ta’ Fuq

Il-komunità internazzjonali kkundannat bla riservi lill-Korea ta’ Fuq li reġgħet sfidat lid-dinja bil-provi ta’ rokit li jwassal fuq distanzi twal. Il-prova seħħet fis-sigħat bikrin tallum u l-kritiċi, fosthom in-Nazzjonijiet Uniti u n-NATO, fissru l-aġir tar-reġim fi Pyongyang bħala prova ta’ teknoloġija missilistika li hi pprojbita għall-Istat komunista.

Xandara fi Pyongyang ħabbret li rnexxa l-iskop tal-Korea Komunista biex ittella satellita fl-orbita. Iżda hemm tħassib sostanzjali li l-veru skop ta’ Pyongyang kien biex jipprova missila ballistika.

Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU organizza laqgħa ta’ emerġenza wara l-kundanna ħarxa tal-Ġappun, il-Korea t’Isfel u l-Istati Uniti. Dawn it-tliet pajjiżi kienu talbu biex il-laqgħa ssir mill-aktar fis ħalli jaqblu dwar reazzjoni kollettiva fil-konfront tal-Korea ta’ Fuq. Sadanittant, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU ukoll ħareġ stqarrija ta’ kundanna qalila għall-aħħar prova ta’ Pyongyang u għamilha ċara li ‘għandu jħejji dalwaqt riżoluzzjoni ġdida għal sanzjonijiet’ fir-rigward tal-Korea komunista.

Il-Korea t’Isfel se tibda tiddiskuti mal-Istati Uniti rigward l-istazzjonar ta’ sistema li tiddefendi kontra l-missili. Kelliema għall-Gvern f’Seoul qalu li jekk huma jistallaw din is-sistema avvanzata jkunu qed jagħmlu dan bl-iskop speċifiku li jirribattu t-theddida serja min-naħa tal-ġar komunista.

L-Amministrazzjoni Nazzjonali tal-Korea ta’ Fuq għall-Proġetti tal-Aerospazju qalet, qabel, li s-satellita kienet waslet fl-orbita xi 10 minuti wara li telgħet miċ-ċentru spazjali fil-provinċja ta’ Phyongan. Meta ħarġet bl-aħbar, ix-xandara fi Pyongyang sostniet li l-provi tar-rokit saret fuq id-direttiva speċifika tal-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq Kom Jong-un u li l-pajjiż qed jaħseb biex itella’ aktar satelliti fil-futur.

Il-prova tas-satellita mill-Korea ta’ Fuq saret ftit ġimgħat wara li Pyongyang wettaq ir-raba’ prova nukleari kontra kull direttiva internazzjonali. Il-provi ta’ dan it-tip mir-reġim Korean komunista jmorru speċifikament kontra r-riżoluzzjonijiet tan-NU.