Ambjent Lokali

7 pixxini f’ODZ f’Għawdex rifjutati mill-MEPA

Il-MEPA ma laqgħetx l-applikazzjoni għall-iżvilupp ta’ seba’ pixxini u spazju b’decking u soft landscaping madwarhom, minħabba li l-art li għaliha kien hemm l-applikazzjoni hi agrikola u tinsab barra ż-żoni ta’ żvilupp.

Il-MEPA qalet li approvat in-nofs l-ieħor tal-proġett, għall-bini ta’ 25 appartament fi nħawi residenzjali u f’żona urbana, fi Triq il-Kbira f’Ta’ Sannat f’Għawdex, bl-aċċess għall-iżvilupp ikun minn żewġ sqaqien.

B’kollox, l-iżvilupp kien jitratta 3,400 metru kwadru ta’ art imma madwar 1,700 metru kwadru kienu f’inħawi ODZ għall-iżvilupp tal-pixxini u żoni rikreattivi. Din l-aħħar parti tal-proġett ġiet rifjutata, bil-Bord tal-MEPA juri d-diżapprovazzjoni tiegħu li pixxini u soft landscaping jitqiesu bħala konċessjoni awtomatika għal ODZ.

Il-Bord ikkwota politika tal-2014 li tgħid li pixxini għandhom jingħataw il-permess barra l-konfini ta’ żvilupp jekk l-art tkun diġà disturbata jew ikollha permess għal żvilupp.

B’applikazzjoni separata l-Bord tal-MEPA approva l-konverżjoni ta’ Palazzo Zammittello fil-Belt Valletta biex jinbidel f’boutique hotel.

Il-palazz, li jinsab bejn Triq ir-Repubblika u Triq in-Nofsinhar, se jsirulu xogħlijiet intensivi ta’ restawr, imma se jinkludi wkoll xogħlijiet oħra ta’ bidliet konsiderevoli fuq ġewwa waqt li l-Bord approva li jinbena b’mod sħiħ it-tielet sular tal-palazz minkejja li s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali kienet qed titlob li dan is-sular ikun irtirat ’il ġewwa. Skont il-Bord tal-MEPA, bil-bini sħiħ tat-tielet sular, l-estensjoni tagħlaq il-binja b’mod iktar pulit.