Lokali

Il-Kummissjoni għall-Impjiegi tħassar is-seduti fil-konfront tal-ħatriet tal-Maġistrati

Wara l-kontroversja dwar in-nomina illegali tal-avukat u eks-Chairman tal-Kummissjoni għall-Impjiegi Ingrid Zammit Young għall-kariga ta’ Maġistrat, il-Kummissjoni għall-Impjiegi ħassret is-seduti li kellha ppjanati fl-aħħar ġranet.

In-nomina ta’ Ingrid Zammit Young għall-kariga ta’ Maġistrat ġabet kontroversja għall-fatt li l-kostituzzjoni tispeċifika li uffiċjal pubbliku ma jistax jerġa’ jkun appuntat f’kariga pubblika, jekk ma jkunx ilu tliet snin li temm il-kariga l-oħra.

Jirriżulta li Young ma kinitx ilha tliet snin li temmet il-kariga tagħha bħala Chairperson tal-Kummissjoni għall-Impjiegi u għalhekk ma setgħetx tokkupa din il-kariga u tmur kontra l-kostituzzjoni. Minbarra dan, jirriżulta li Young ħadet somma ta’ €70,000 mill-GO wara li ħadet skema ta’ irtirar kmieni.

Mistoqsija mill-media biex tispeċifika meta kienet informata dwar il-ħatra tagħha mill-Ministeru tal-Ġustizzja, Young irrifjutat li twieġeb u qalet li kienet biss kumbinazzjoni li rriżenjat mill-GO fil-perjodu li l-Gvern kien se jinnominaha Maġistrat.

Quddiem din is-sitwazzjoni l-Gvern ġab kritika fuq l-operat tiegħu fis-settur tal-ġustizzja anki għall-fatt li anki n-nomina tal-avukat l-oħra Caroline Farrugia Frendo wkoll ma ssirx skont il-Kostituzzjoni. L-Avukat Caroline Farrugia Frendo hi t-tifla tal-Ispeaker Anglu Farrugia.

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għall-Impjiegi li tħassar is-seduti kienet komunikata b’korrispondenza lill-membri tal-Kummissjoni li fiha huma kienu informati li din kienet qed iseħħ propju minħabba l-iżviluppi li nqalgħu dan l-aħħar.