BLOGS

Inkompetenza istituzzjonalizzata!

“Min jikser il-Kostituzzjoni basta jagħmel il-ħatriet li jrid, mhux denju li jmexxi l-pajjiż!” Din l-affermazzjoni kategorika tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, ittella’ fil-beraħ il-falliment fil-prattika ta’ governanza meritokratika u trasparenti ta’ Gvern li kull ma jmur qiegħed ikompli jiddgħajjef quddiem l-isfida li jinnewtralizza l-inkompetenza tiegħu bħala Gvern li falla eċċezzjonalment ħafna qabel għaddiet l-ewwel nofs tal-leġislatura.

Wara li ftit ġimgħat ilu quddiem ir-rapport tal-Awditur Ġenerali li kkundanna bla riservi l-iskandlu ta’ Strada Zekka l-Gvern ċeda għall-pressjoni ġustifkata tal-Oppożizzjoni u laqa’ t-talba tagħha li wasslet għas-sitt riżenja mill-aktar kabinett korrott tal-istorja Maltija, din id-darba ta’ Michael Falzon, issa jinsab jaffaċċja l-imbarazzament tan-nomini għal Maġistrati tal-Avukati Ingrid Zammit Young u Caroline Farrugia Frendo. Dawn in-nomini jkomplu jikkonkludu trijonfalment kif dan il-Gvern huwa biss ikkonċentrat b’żewġ missjonijiet quddiemu: dik li jirregala lil min tah ħafna; u dik li jagħlaq ħalq min jista’ jkunlu ta’ deni.

Appuntu, dawn iż-żewġ nomini, anke mill-mod ta’ kif issa qed tidher din it-tifsila fil-midja indipendenti, jidħlu sewwa sew f’dan il-qafas tal-Gvern. Il-Gvern u l-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici (flimkien mal-kumplament tal-Kabinet li approva n-nomini) mogħmijia bil-politika tal-assurdità qed ikomplu jikxfu l-inkompetenza tagħhom fin-nomini ta’ Ingrid Zammit Young – li inċidentalment hija minn tat-‘Tagħna Lkoll’ – u Caroline Farrugia Frendo – li missierha aktarx jaf għandu ħafna x’jgħid dwar il-qrubija bejn il-Prim Ministru u ‘dawk’ li kienu jżuruh fir-raba’ sular qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013 – minħabba li jiksru l-Kostituzzjoni. Huwa inkompetenti aktar il-fatt li l-Gvern ma mexiex mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Bonello, maħtura minnu stess. Għaldaqstant, il-Gvern għandu jirtirahom minnufih!

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista f’isem l-Oppożizzjoni, jibbaża l-argumenti tiegħu skont il-Kostituzzjoni (li l-Ministru nkarigat minnha possibbilment mhux daqstant familjari magħha), fisser għaliex iż-żewġ Avukati nominati ma jikkwalifikawx għal Maġistrati. L-argument mhuwiex, u ma għandux ikun proprju ffukat fuq il-waħda jew l-oħra għax dan ikun irrelevanti, imma għandu jkun fuq il-Governanza tal-Gvern, li donnu mhuwiex jintebaħ li l-poplu qiegħed janalizza kif tbiegħed għal kollox minn kull wegħda elettorali biex jissodisfa l-aġenda tal-Partit Laburista.

Il-Prim Ministru mhux qiegħed jagħmel id-distinzjoni tant imperattiva f’demokrazija; is-separazzjoni tal-poter bejn il-Ġudikatura, il-Kabinet tal-Gvern u l-Istat bl-istituzzjonjiet kollha li jħaddan, li, taħt din it-tmexxija qiegħed isib ruħu kkonfrontat iżżejjed mill-Gvern li jippretendi li jista’ jnaqqi mill-awtorità tal-Istat u allura l-istituzzjonijiet indipendenti li għandhom poter separat minn dak tiegħu.

Joseph Muscat mhux biss qiegħed jirredikola t-tali separazzjoni, imma qiegħed ikompli jtellef il-fiduċja fil-preżenza tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, b’azzjonijiet, bħal f’dan il-każ, li l-għan tagħhom huwa biss li jservu aġenda partiġġjana. Dan jikkuntrasta mingħajr dubju ma’ dak li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qiegħed jipproponi fid-dokument ‘Nibnu Fiduċja Ġdida fil-Politika’; dik li tirrispetta lill-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.

Li l-Prim Ministru jipprova jimmanipula kollox u lil kulħadd issa qed tidher dejjem aktar ċara. Internament fil-Partit Laburista, qiegħed iħejji biex Konrad Mizzi, li għandu żewġ Ministeri taħt idejh (li l-ebda wieħed ma qiegħed jonora l-wegħdiet elettorali u allura jikkonferma għal darb’oħra l-inkompetenza) ikun is-suċċessur ta’ Toni Abela bħala Deputat Mexxej għall-affarijiet tal-Partit, liema għażla hija aktar minn lesta.

Dan ikompli jiġġustifika kemm Joseph Muscat huwa mdawwar bi ftit nies li jafda, u qiegħed dejjem iwarrab lil oħrajn li ħammru wiċċ il-Partit fil-passat, jew li jistgħu jiqfulu, imma tant hu medhi b’din il-logħba patetika li mhux jirrealizza li din it-tmexxija tiegħu hija litteralment tal-mistħija, b’sensiela ta’ skandli motivati politikament, nominazzjonijiet partiġġjani u ħatriet għal ta’ ġewwa li la jonoraw il-Governanza tajba u wisq aktar il-Meritokrazija.

Jekk issa jidher li l-Avukat Ingrid Zammit Young talbet lill-Prim Ministru biex ma jikkonsidrax in-nomina tagħha, min-naħa l-oħra jidher, li la darba jgħaddi ż-żmien stipulat mill-Kostituzzjoni sabiex in-nomina ta’ Caroline Farrugia Frendo tissodisfa l-kriterji, ser tkun qed tinħatar bħala Maġistrat. Minkejja dan, trid tintrefa’ r-responsabbiltà politika.

Hija sfortuna għal pajjiżna li f’din il-leġislatura jinsab mhedded minn Gvern li ma jagħrafx li qed jonqos milli jirriserva r-rispett lejn l-Istat u l-kisbiet demokratiċi li ħasad tul snin ta’ tmexxija li sawret pajjiż għani f’dik li hi separazzjoni ta’ poter. Jew jekk mhux jagħraf dan, qiegħed iwettqu b’wiċċu minn quddiem bħala l-uniku pjan fir-roadmap li fassal għall-ġieħ tal-Partit Laburista u mhux fl-interess tal-poplu.

Korruzzjoni istituzzjonalizzata… Inkompetenza istituzzjonalizzata!

Dan l-artiklu deher fil-ġurnal In-Nazzjon, l-Erbgħa, 10 ta’ Frar.
Justin Schembri hu Kandidat tal-Partit Nazzjonalista fuq it-8 Distrett.