Kurżitajiet

Domenic Pace, tifel ta’ 9 snin, bħala Iron Boy fl-Awstralja

Tifel ta’ 9 snin milqut mill-kundizzjoni tas-cystic fibrosis ingħata ċ-ċans ikun super-eroj għal ġurnata u jsalva lil Sydney min-nies il-ħżiena.

Domenic Pace, kien Iron Boy għal ġurnata grazzi għal Make-A-Wish Foundation. Quddiem l-Opera House ta’ Sydney, it-tifel ‘salva’ lil ħaddiem tal-fondazzjoni minn idejn il-kattivi u iktar tard, ‘għeleb’ lill-għadu Ultron hekk kif mijiet ta’ persuni li kienu fil-madwar ċapċpulu u nkoraġġewh ikompli jsalva lid-dinja.

It-tifel tela’ fuq ħelikopter lejn il-kwartieri tal-Pulizija u iktar tard, rikeb fuq dgħajsa tal-Pulizija biex ‘salva’ lil persuna oħra. Mistoqsi minn stazzjon tar-radju biex jiddeskrivi l-ġurnata, it-tifel iddeskriviha bil-kelma “awesome”.

Anke Robert Downey Jr, li jaħdem il-parti ta’ Tony Stark fil-films ta’ Iron Man, fuq Twitter kiteb li bagħat lil dan it-tifel speċjali għal missjoni sigrieta. Iktar tard, poġġa filmati fuq Youtube, liebes ta’ Tony Stark, b’messaġġi speċjali għat-tifel.