Qorti

Fl-iskandlu tal-Viżas, kompliċi jidħaq bl-awtoritajiet Maltin u jippreżenta kuntratti mhux validi

Kompliċi fl-iskandlu tal-Viżas, li fih hu nvolut ukoll l-eks-Teżorier tal-Partit Laburista, Joe Sammut, kien jidħaq bl-awtoritajiet Maltin u jippreżenta ftehim dwar il-kiri ta’ propjetà vojta.

Fil-Qorti llum, quddiem il-Maġistrat Anthony Vella, kompliet tinstema’ x-xhieda fil-konfront tal-Libjan Ali Fauzi Ltetey, ta’ 38 sena, li qed iwieġeb li mhux ħati ta’ miżapproprijazzjoni, frodi u li kien miftiehem ma’ Joe Sammut, li għaddej proċeduri separati fil-Qorti marbuta ma’ frodi, miżapproprjazzjoni, nuqqas ta’ attenzjoni dovuta u falsifikazzjoni li ppermettew lil Libjani jwaqqfu kumpaniji f’Malta u jsiru eliġibbli għal permessi ta’ residenza.

L-Ispetturi Jonathan Ferris, Lara Butters u William Scicluna xehdu fil-Qorti fejn qalu li waqt tfittxija fl-uffiċċju ta’ Sammut instabet lista bi 11-il sid ta’ propjetà għall-kiri. Waqt l-investigazzjoni mill-Pulizija ħareġ li tmienja minn dawn is-sidien kienu jafu lil Fauzi.

Fil-Qorti ntqal kif l-akkużat kien jasal għal ftehim ma’ numru ta’ sidien biex jikri l-propjetà tagħhom lil Libjani. Intqal kif ladarba l-ftehim kien ikun iffirmat, l-akkużat kien jinforma lil sid il-propjetà li l-klijenti tiegħu ma kinux għadhom interessati f’Malta. Imma waqt li l-kuntratti ma kinux jibqgħu validi, Fauzi kien jippreżenta d-dokumenti xorta waħda lill-awtoritajiet Maltin bħala prova li l-klijenti kellhom residenza f’Malta.

L-avukat Arthur Azzopardi qed jiddefendi lill-akkużat.