Filwaqt li nifhem li mhux soltu jintużaw titli bl-Ingliż f’ġurnali bil-Malti, m’hemmx mod aħjar kif tiddeskrivi ċertu aġir ta’ dan il-Gvern. Din il-frażi tapplika eżattament għall-Partit Laburista għaliex għalih, l-aqwa li jasal … il-kif mhux importanti.
Wasal fil-Gvern
Fil-fatt, l-ikbar tragward li laħaq il-Partit Laburista kien li sab ruħu fil-Gvern – rebaħ il-Gvern għaliex ikkonvinċa lill-maġġoranza tal-poplu li kien l-aħjar alternattiva biex jiggverna. Iżda lill-poplu kif ikkonvinċieh? Ikkonvinċieh bi kliem fieragħ, ġideb sfaċċat u wegħdiet sbieħ li ntesew malli rifes l-għatba ta’ Kastilja. Għall-Partit Laburista ma jimpurtahx kif rebaħ il-gvern, għalih l-aqwa li llum qiegħed fil-gvern.
Naqdu lin-nies tagħna
Hekk qal kemm-il darba Luciano Busuttil – stieden lill-moviment ‘Tagħna Lkoll’ biex jieħu ħsieb lin-nies tiegħu. Minkejja li l-istess manifest tal-PL kien jgħid li Malta mhux ta’ dak jew tal-ieħor, Busuttil jidhirlu li l-Gvern irid jieħu ħsieb lin-nies tiegħu … għall-oħrajn tista’ tapplika frażi oħra sinonima mal-Partit Laburista, “min mhux magħna, kontra tagħna”.
Fil-verità hekk qed isir – dawk li kienu parti mill-moviment, qed jieħdu dak li jridu u biex jagħmel dan, il-Gvern mhu jagħti kas ta’ xejn. Il-Gvern ma jimpurtahx li jinkisru proċeduri fl-għoti tal-promozzjonijiet, ma jimpurtahx li l-ispiża tal-ħaddiema taċ-Ċivil qed tisplodi, ma jimpurtahx li jmur kontra l-kostituzzjoni. L-importanti li naslu, mhux kif naslu. Dejjem hekk kienet il-mentalità tal-Partit Laburista – l-importanti li jaqdi lil tal-qalba, il-fatt li qed jagħmel dan għad-detriment tal-pajjiż u ta’ min iħallas it-taxxi, dik ma jimpurtahx minnha.
Saħansitra l-kostituzzjoni …
Ħafna jiftakru fiż-żmien tad-dlam li għadda minnu pajjiżna meta d-demokrazija kienet biss ħolma u l-libertà kienet dritt imċaħħad. Ħafna jiftakru lil Mintoff jgħid li ma jimpurtahx mill-kostituzzjoni – għalkemm kien qalha b’lingwaġġ ferm inqas pulit. Din hi konferma oħra li l-lupu jbiddel sufu u mhux għemilu għaliex anke l-Gvern tal-lum qed jaġixxi b’dan il-mod. Ma jimpurtahx mill-kostituzzjoni basta jagħmel il-ħatriet li jrid hu u lil min jaqbillu, bħalma rajna riċentement fil-ħatriet tal-membri tal-ġudikatura li jmorru kontra l-kostituzzjoni.
Niġġudikawk fuq li tagħmel
Il-poplu ma jiġġudikax b’għamad, għalhekk il-filosofija ta’ Muscat ma tgħoddx wisq għaliex il-pubbliku onest se jiġġudikah fuq li jagħmel. Fl-aħħar elezzjoni, l-poplu ġġudikah fuq dak li qal, iżda issa se jiġġudikah fuq dak li qed jagħmel.
Sentejn oħra, se jiġġudikah fuq il-fatt li lest jikser il-kostituzzjoni biex jasal jaħtar nies fil-ġudikatura; se jiġġudikah fuq il-fatt li qed jieħu deċiżjonijiet li jiswew lil pajjiżna l-miljuni biex jaġevola lil nies tal-qalba; se jiġġudikah fuq il-fatt li gideb u ppreżenta ruħu b’mod, iżda meta ġie għal fatti aġixxa b’mod kompletament differenti.
Il-poplu għandu jagħraf li min jimxi hekk ma jistħoqqlux jiggverna lil dan il-pajjiż, għaliex pajjiżna jixraqlu aħjar. Pajjiżna jistħoqqlu tmexxija onesta u politika nadifa kif qed jippreżentaw Simon Busuttil u l-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>