Lokali

It-Tribunal Industrijali “effettivament paralizzat”

It-Tribunal Industrijali hu pparalizzat u l-Gvern għandu jieħu miżuri immedjati biex issir riforma fih.

L-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem (MEA) qalet dan fi stqarrija wara li żewġ sentenzi mill-Qorti tal-Appell f’Ġunju li għadda kkonfermaw li l-mod kif jiġi ffurmat u jaħdem it-Tribunal Industrijali huma kontra l-Kostituzzjoni ta’ Malta.

B’konsegwenza ta’ dawn is-sentenzi tal-Qorti, ħafna huma tal-fehma li t-Tribunal Industrijali ma jistax ikompli jiffunzjona. L-MEA fakkret li ilha għal diversi xhur tinsisti għal riforma serja fit-Tribunal Industrijali, tant li kienet anke għamel xi proposti f’dan ir-rigward fl-MCESD.

L-MEA innutat li madankollu baqgħet ma ttieħdet l-ebda azzjoni, minkejja li hu fatt magħruf li hemm problemi legali serji u li issa wasalna f’sitwazzjoni fejn it-Tribunal Industrijali jidher ipparalizzat.

L-Assoċjazzjoni sostniet li minħabba t-tkaxkir tas-saqajn mill-Gvern, kemm employers kif ukoll impjegati m’għandhomx mezz biex ifittxu rimedju legali f’każi ta’ tilwim industrijali.

Illum il-Qorti Kostituzzjonali ikkonfermat li l-ħatriet taċ-Chairpersons fuq it-Tribunal Industrijali ma jgawdux il-protezzjoni ta’ indipendenza u imparzjalità. Il-Qorti Kostituzzjonali ikkonfermat sentenza mogħtija fit-18 ta’ Ġunju 2015, jiġifieri li l-mod kif iċ-Chairpersons jiġu maħtura mill-Gvern u l-kundizzjonijiet tal-ħatra tagħhom ma jassigurawx li l-proċess li jinġieb quddiemhom minn unions u ħaddiema fuq livell individwali huwa wieħed imparzjali u indipendenti.

Fi stqarrija iffirmata mix-Shadow Minister tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Therese Comodini Cachia u x-Shadow Minister tal-Ġustizzja, d-Demokrazija u d-Drittijiet taċ-Ċittadin Jason Azzopardi saħqu li quddiem din is-sentenza, l-Partit Nazzjonalista jinsisti li l-istess prinċipju li l-ġustizzja titbiegħed minn kull tebgħa ta’ indħil għandu japplika wkoll fit-Tribunal Industrijali.

F’dan id-dawl, il-Partit Nazzjonalista jistaqsi x’passi ħa l-Gvern minn meta ngħatat l-ewwel sentenza ta’ disa’ xhur ilu biex jiprepara lilu nnifsu għas-sentenza tal-lum. Dan fl-interess tal-ħaddiema kollha li fil-preżent għandhom kawżi pendenti quddiem it-Tribunal Industrijali, u dawk li xi darba jew oħra, jista’ jkollhom każijiet quddiem it-Tribunal Industrijali fejn jitolbu rimedju għall-ksur tad-drittijiet tagħhom.