Lokali

L-Aġenzija LESA tikkonferma li r-raġel involut fl-argument ma’ Pulizija kien gwardjan

L-Aġenzija għall-Infurzar Lokali (LESA) tikkonferma fi stqarrija li l-persuna li allegatament kellha xi tgħid ma’ pulizija mara hija verament gwardjan lokali. Sa issa jidher li l-Pulizija għadha qed tagħmel l-investigazzjonijiet tagħha. L-Istqarrija tkompli li l-Aġenzija tinsab f’kuntatt mal-kumpanija privata li timpjega lill-gwardjan u qed issegwi attentament kull żvilupp marbut ma’ dan il-każ.

Filwaqt li tikkundanna kull tip ta’ aġir abbużiv, l-Aġenzija LESA hija impenjata li tiżgura, flimkien mal-operatur privat, li l-gwardjani lokali jġibu ruħhom b’mod dinjituż li jixraq ir-responsabilitajiet li għandhom fil-komunitajiet li jservu fihom.

L-Ispettur Sandro Camilleri, President tal-Police Officers’ Union, f’messaġġ fuq Facebook il-Ħamis filgħaxija qal li l-Kuntistabbli li ġiet aggredita minn raġel ma tinsabx tajjeb u qed tilmenta minn uġiegħ, tant li matul il-ġurnata kellha żżur żewġ professuri.

Hu spjega li jista’ jagħti l-każ li l-istress li sofriet din il-Kuntistabbli jista’ jwassal ukoll għal kumplikazzjonijiet fuq saħħet it-tarbija.

Camilleri spjega li qabel ġara dan il-każ it-Tlieta filgħaxija fil-Floriana, meta r-raġel beda joffendi u jinsulenta lil din il-mara, filwaqt li sabbat fuq il-karozza u heddidha, hi kienet f’saħħitha u eżamijiet mediċi urew li fit-tqala kollox kien sew.