Lokali

L-Air Malta hi kruċjali għall-aċċessibilita’ tal-pajjiż – Il-Kap tal-PN Simon Busuttil

L-Air Malta għandha tibqa’ taħt kontroll Malti. Ladarba nerħu r-riedni, il-pajjiż ikun vulnerabbli. Din hi l-pożizzjoni tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti kif imfissra mill-President tagħha Tony Zahra waqt laqgħa mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil li matulha kien diskuss id-dokument tal-PN “Ekonomija għan-nies”.

Simon Busuttil qal li l-PN jaqbel perfettament ma’ din il-pożizzjoni hekk kif il-proċess ta’ ristruttura tal-Air Malta kien wieħed mill-punti ewlenin tad-diskussjoni. Il-Kap tal-PN qal li l-proċess ta’ ristrutturar beda numru ta’ snin u l-Oppożizzjoni qed tappoġġja lill-Gvern fil-proċess li l-Air Malta tiġi fuq saqajha, minkejja l-fatt li mhux qed tingħata informazzjoni dwar x’qed jiġri fil-linja nazzjonali tal-ajru.

Il-Kundizzjoni ewlenija tal-PN hi li m’għandhomx jonqsu r-rotot għaliex l-aċċessibilita’ hija kruċjali għall-pajjiż. Simon Busuttil kompla li l-ispiża tal-fuel għall-Air Malta naqset ferm u dan għandu jgħin biex ir-ristrutturar jirnexxi.

Il-Kap tal-PN qal li hu ta’ sodisfazzjon li mill-2009, is-settur turistiku kompla jikber u jkollu sena rekord, waħda wara l-oħra. U ta’ dan irringrazzja lill-membri tal-MHRA għall-ħidma li wasslet għal dan is-suċċess.

Minbarra fit-turiżmu, id-dokument “Ekonomija għan-nies” iħares lejn l-aspetti kollha tal-ekonomija fl-immedjat, fi żmien medju u fit-tul. Simon Busuttil qal li fuq kollox, il-PN ma jħarisx lejn l-ekonomija għaliha nnifisha iżda li din għandha tkun b’saħħitha sabiex toffri kwalita’ ta’ ħajja aħjar lin-nies.

Min-naħa tiegħu, Tony Zahra qal li l-pass li jmiss fit-turiżmu hu li Malta tikkompeti fuq il-valur li toffri u mhux fuq il-prezz. Malta għandha tkun l-ewwel għażla għal iktar turisti.

Il-President tal-MHRA qal li hu ta’ tħassib li qed jonqos in-numru ta’ Maltin li jaħdmu fit-turiżmu u qal li għandu jitwassal il-messaġġ li t-turiżmu joffri karriera tajba.

Marbut ma’ dan hemm il-ħtieġa li l-Istitut tal-Istudji Turistiċi ikun mniedi mill-ġdid, b’laqta’ internazzjonali biex jattira studenti barranin.

Preżenti għall-laqgħa kien hemm ukoll ix-Shadow Minister għall-Ekonomija Claudio Grech, il-Kelliem għat-Turiżmu Antoine Borg, il-kelliema għas-servizzi finanzjarji Kristy Debono u l-kelliem dwar l-Amministrazzjoni pubblika u investimenti tal-Gvern Ċensu Galea.