Is-Sottokumitat Legali fi ħdan il-Forum Professjonisti tal-Partit Nazzjonalista jilqa’ b’sodisfazzjon l-Abbozz ta’ Liġi mressaq mill-Oppożizzjoni, li jipproponi t-Twaqqif ta’ Awtorita’ dwar l-għażla għas-Servizzi Ġudizzjarji. Il-Forum jinnota wkoll, li din il-mozzjoni ma tindirizzax biss il-mod kif jiġu magħżula l-Imħallfin u l-Maġistrati, iżda wkoll il-Prim Imħallef, il-Ġudikaturi tat-Tribunal għat-Talbiet Żgħar, l-Avukat tal-Għajnuna Legali, Imħallfin u Maġistrati biex iservu fi Qrati jew Tribunali Reġjonali jew internazzjonali, Kelliem għall-Ġudikatura, Bord tal-Għażla għall-Ġurija, l-Assistenti għall-Qorti ta’ Minorenni, kwalunkwe persuna oħra biex tokkupa kull kariga li l-Ministru jista’, b’regolament jiddisponi, u b’mod partikolari għar-rigward il-Ġuristi, fejn kif irriżulta anke riċentement li nħatru numru ta’ Avukati f’inkarigu simili, ‘on a position of trust basis’.
Il-Forum jinnota wkoll, b’sodisfazzjon, il-fatt li dan l-Abbozz imressaq mill-Oppożizzjoni, apparti l-fatt li qiegħed jgħolli l-eta’ tal-irtirar tal-Imħallfin u l-Maġistrati għal tmienja u sittin (68) sena, jindirizza wkoll il-fatt li kemm l-Imħallfin kif ukoll il-Maġistrati, ikollhom il-jedd li jeżerċitaw l-għażla li jgawdu d-drittijiet tal-pensjoni fl-istess mod bħal kull persuna pensjonabbli oħra skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali (Kap. 318 tal-Liġijiet ta’ Malta).
Il-Forum, wara li segwa l-kontroversja li nqalgħet riċentement, segwa wkoll b’attenzjoni dak li kien qiegħed jiġi propost mill-Kamra ta’ l-Avukati, jidhirlu li l-Abbozz kif propost mill-Oppożizzjoni, jindirizza bl-aħjar mod, id-diversi punti li qamu u ġew diskussi, biex b’hekk tissaħħah aktar id-demokrazija ibbażata fuq il-prinċipji tas-Saltna tad-Dritt, u tas-Separazzjoni tal-Poteri. B’dan, il-Partit Nazzjonalista qiegħed juri biċ-ċar illi qiegħed imexxi Oppożizzjoni serja u pro-attiva, u mhux biss sabiex tikkritika lill-Gvern.
//= $special ?>