Ambjent Lokali

Nature Trust (Malta) tesprimi tħassib għall-iżvilupp propost f’Wied Għomor

Fi stqarrija l-għaqda Nature Trust (Malta) qalet li kienet qegħda tingħaqad mal-Kunsilli Lokali tas-Swieqi u ta’ San Ġwann fit-tħassib b’rabta mal-propost żvilupp ta’ villaġġ turistiku fuq art ODZ bejn iż-żewġ lokalitajiet.

L-għaqda qalet li l-mod kif żoni ODZ qegħdin jiġu trattati mill-awtoritajiet huwa ta’ tħassib serju. L-istqarrija spjegat li Wied Għomor, is-sit fejn huwa propost li jsir dan l-iżvilupp, joffri varjeta ta’ fauna u flora u huwa pulmun għal villaġġi tas-Swieqi u San Ġwann.

L-għaqda sostniet li hija topponi b’saħħa dan l-iżvilupp u appellat lil MEPA sabiex tieħu l-passi meħtieġa u twaqqaf din il-mewġa ta’ żviluppi fuq art ODZ. “Applikazzjonijiet ODZ għandhom ikunu l-eċċezjoni mhux ir-regola” temmet tgħid l-istqarrija.