Il-Papa Franġisku u l-Patrirarka Kirill impenjaw ruħhom għal sforz ikbar biex jingħelbu d-differenzi li baqgħu jintirtu minn ġenerazzjoni għal oħra għal kważi elf sena sabiex iż-żewġ denominazzjonijiet insara jersqu iktar qrib xulxin.
F’laqgha storika f’Havana, iz-zewg mexxejja spiritwali ippubblikaw dikjarazzjoni kongunta li fiha, ma tkellmux biss dwar il-passat izda xehtu harsthom ukoll lejn l-isfidi tal-prezent.
L-ewwel tħassib hu dwar il-persekuzzjoni tal-Insara fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta’ Fuq fejn familji, rħula u bliet sħaħ ta’ Insara inqatlu bl-eluf, u miljuni oħra li tilfu djarhom. Dan b’mod partikolari fis-Sirja u fl-Iraq li kellhom fost l-eqdem komunitajiet insara fid-dinja.
Huma sejħu għal iktar azzjoni mill-komunita internazzjonali sabiex tintemm il-vjolenza u tingħata għajnuna umanitarja urġenti.
Dwar id-djalogu interreliġjuż, il-Papa Franġisku u l-Patrijarka Kirill qalu li d-differenzi fit-twemmin m’għandhomx ikunu ta’ impediment biex il-bnedmin jgħixu f’armonija bejniethom. Huma sostnew li hu d-dmir tal-mexxejja reliġjużi kollha li jedukaw dwar ir-rispett lejn reliġjonijiet differenti. Ebda att kriminali ma jista’ jiġi ġġustifikat f’isem Alla.
Iż-żewġ mexxejja reliġjużi xeħtu ħarsthom ukoll fuq il-kontinent Ewropew fejn filwaqt li jilqgħu b’ferħ l-integrazzjoni Ewropea wara snin twal ta’ gwerer, huma jinsabu mħassbin b’dik li huma sejħulha bħala ideoloġija sekulari aggressiva li qed temarġina lill-Insara mill-ħajja pubblika. Huma appellaw sabiex, filwaqt li tibqa’ tilqa’ l-kontribuzzjoni ta’ reliġjonijiet oħra, l-Ewropa ma tiċħadx l-għeruq Nsara tagħha: ir-ruħ Ewropea, magħġuna b’elfejn sena ta’ tradizzjoni nisranija.
Id-dikjarazzjoni konġunta tiffoka wkoll fuq l-immigrazzjoni li fiha l-mexxejja reliġjużi għamlu sejħa sabiex tinstema’ l-karba ta’ miljuni ta’ foqra u li tintwera’ solidarjeta’.
Il-Papa Franġisku u l-Patrijarka Kirill tennew mill-ġdid ir-rispett lejn il-familja u r-rwol ċentrali tagħha bħala ċ-ċentru tas-soċjeta’ ibbażata fuq żwieġ bejn mara u raġel u nnutaw b’dispjaċir li forom oħra ta’ koabitazzjoni tpoġġew fuq l-istess livell ta’ din l-unjoni.
Huma sejħu wkoll għar-rispett sħiħ lejn id-dritt tal-ħajja, f’dinja fejn miljuni lanqas biss jitħallew jitwieldu u esprimew tħassib dwar ċerti teknoloġiji ta’ tnissil li hu meqjus bħala manipolazzjoni tal-ħajja umana. Huma ddeploraw ukoll l-ewtanasja, li qed twassal lil anzjani u persuni b’diżabilita’ jħossu li huma ta’ piż fuq il-familja u s-soċjeta’ b’mod ġenerali.