Rabja f’Raħal Ġdid wara eżerċizzju biex tkun ikkontrollata l-popolazzjoni tal-ħamiem salvaġġ iktar kmieni din il-ġimgħa, meta persuni akkumpanjati minn uffiċjali tal-Pulizija dehru jisparaw lejn il-ħamiem li għadda qrib il-Knisja.
Filfatt jirriżulta li fost il-ħamiem li ntlaqat jew inqatel, allegatament kien hemm ukoll ħamiem privat, biċ-ċrieki ta’ identifikazzjoni magħhom.
Barra minn dan hemm misteru dwar min ta l-permess għal dan il-qtil tal-ħamiem, hekk kif il-Kunsillier Tyrone Muscat, responsabbli mid-drittijiet tal-Annimali fi ħdan il-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid, qed jisħaq li hu qatt ma kien infurmat.
Żorna pjazza qrib il-post fejn seħħ dan l-eżerċizzzju u stajna ninnutaw ukoll li ħamiem li kien mejjet baqa’ ma’ nġabarx.
Muscat jispjega li għalkemm jaqbel li l-ħamiem jinqabad, fl-opinjoni tiegħu sparar fil-pjazza tar-raħal mhux il-metodu ideali.
Dan hekk kif il-kunsill ilu snin jieħu miżuri biex jeduka l-poplu u jikkontrolla l-popolazzjoni tal-ħamiem, li bil-ħmieġ tiegħu jġib il-mard u jikkawża l-ħsara fil-propjeta’.
Fil-passat, il-Kunsill Lokali saħansitra kellu ftehim mad-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali biex il-ħamiem jinqabad bix-xbiek.
Fl-aħħar jiem eżerċizzju simili sar ukoll f’Bormla, fejn ir-residenti lmentaw li ħamiem li miet f’gallariji ta’ residenzi abbandunati ma nġabarx, bir-riskju li dan iġib il-mard.
//= $special ?>