L-Abbozz ta’ Liġi ppreżentat mill-Oppożizzjoni dwar bidla radikali fil-ħatriet tal-ġudikatura, għadda mill-Ewwel Qari waqt is-Seduta Parlamentari tal-lejla.
Il-Partit Nazzjonalista qal li filwaqt li qed jilqa’ l-fatt li dan l-abbozz għadda mill-Ewwel Qari, l-Oppożizzjoni qed tinsisti li d-dibattitu Parlamentari dwar dan l-abbozz għandu jsir b’mod immedjat.
Tfisser iżda, li jekk il-Gvern jibqa’ jwebbes rasu u ma jaċċettax li jsir dan id-dibattitu, l-Oppożizzjoni lesta tuża l-ħin Parlamentari tagħha biex tagħmel dan id-dibattitu.
Il-Partit Nazzjonalista saħaq li se jibqa’ jinsisti li l-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru Owen Bonnici ma jagħmlu ebda ħatra oħra fil-ġudikatura sakemm tidħol fis-seħħ din il-bidla radikali fil-mod kif jinħatru l-membri tal-ġudikatura. Dan b’mod speċjali wara li feġġew dubji ġodda dwar il-ħatra tal-Avukat Caroline Farrugia Frendo bħala Maġistrat.
Il-PN saħaq ukoll li fid-dawl tal-ebusija tar-ras minn naħa tal-Ministru Owen Bonnici, li qed jibqa’ jinsisti li ma jiħux dan il-każ quddiem il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, il-Partit Nazzjonalista qed jinsisti li l-President ta’ Malta, fil-kariga tagħha ta’ President tal-istess Kummissjoni, tara li l-każ tal-ħatra ta’ Caroline Farrugia Frendo jiġi diskuss bla dewmien quddiem l-istess Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja. Dan sabiex jiġi verifikat jekk din il-ħatra tiksirx il-Kostituzzjoni.
L-Abbozz ta’ Liġi radikali dwar il-ħatriet tal-membri tal-ġudikatura, li ġie approvat fl-istadju tal-Ewwel Qari lbieraħ fil-Parlament, jitkellem b’mod ċar dwar kif għandhom jinħatru l-membri tal-ġudikatura.
L-Oppożizzjoni ressqet dan l-Abbozz ta’ Liġi wara li fl-aħħar ħatriet li ħabbar fil-membri tal-ġudikatura aktar kmieni dan ix-xahar, il-Gvern injora l-Kostituzzjoni u kisirha.
L-Abbozz ta’ Liġi tressaq mill-Oppożizzjoni fil-Parlament mix-Shadow Minister Jason Azzopardi, wara li aktar kmieni llum fil-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra, il-Gvern qabel fuq il-kundizzjoni li hu wkoll iressaq għall-Ewwel Qari Abbozz ta’ Liġi dwar Riforma Kostituzzjonali fil-qasam tal-Ġustizzja.
Il-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni Mario de Marco nsista li hemm bżonn li, fil-klima ta’ dibattitu li għaddej fil-pajjiż, fil-Parlament jibda d-dibattitu biex il-Parlament jersaq kemm jista’ jkun lejn kunsens għar-riforma f’istituzzjoni daqshekk importanti u sensittiva, u dwar dan l-Oppożizzjoni hi konxja minnu.
Mario de Marco qal li mhux jaqbel li jkun pospost id-dibattitu, fl-istadju tat-Tieni Qari, dwar il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni, kif qed jissuġġerixxi l-Gvern biex ikun hemm aktar taħditiet bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra.
L-Oppożizzjoni rrimarkat anke permezz tal-Whip tal-Oppożizzjoni David Agius, li l-Gvern sa qabel ma ltaqa’ l-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra, kien għadu lanqas għadda lill-Oppożizzjoni kopja tal-Abbozz li ressaq fil-Parlament ilbieraħ ukoll. Dan filwaqt li l-Oppożizzjoni ppubblikat il-ġimgħa li għaddiet l-Abbozz ta’ Liġi li ppreżentat fil-mozzjoni privata li ressqet fil-Parlament.
Intlaħaq qbil li nhar it-Tlieta li ġej issir laqgħa oħra tal-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra biex tkompli tiġi diskussa t-triq ‘il quddiem tal-Parlament dwar ir-riformi meħtieġa dwar il-ħatriet tal-membri tal-ġudikatura, u dwar iż-żewġ Abbozzi ta’ Liġijiet differenti mressqa mill-Oppożizzjoni u mill-Gvern b’rabta mar-riformi fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja.
Il-Parlament għada se jiltaqa’ filgħodu u filgħaxija waqt li l-ġimgħa d-dieħla, nhar it-Tnejn u t-Tlieta s-seduta tista’ tkun itwal mis-soltu u tibda fis-2pm u tibqa’ sejra sa filgħaxija.
//= $special ?>