Sean Buhagiar, li sa ftit tal-jiem ilu kien l-Assistent Direttur Artistiku tal-Fondazzjoni Valletta 2018, irriżenja mill-kariga għax iħoss li r-relazzjoni tiegħu mad-Direttur Artistiku Mario Philip Azzopardi “m’għadhiex aktar tenibbli”.
Ir-riżenja waslet ftit jiem wara li Buhagiar irriżenja mill-produzzjoni “Ħabbilni Ħa Nirbaħ”, hekk kif kellu argument jaħraq mal-producer Mario Philip Azzopardi. Ikkuntattjat minn sezzjoni tal-media, Sean Buhagiar ikkonferma r-riżenja tiegħu wara l-argument ma’ Azzopardi.
Sean Buhagiar kien ikkwotat jgħid li “r-rwol tiegħi fil-Fondazzjoni [Valletta 2018] ma baqgħetx tenibbli wara l-mod kif spiċċat ir-relazzjoni tiegħi ma’ Mario Philip Azzopardi. Is-sitwazzjoni bejnietna kompliet sejra għall-agħar wara d-dikjarazzjonijiet li [Azzopardi] għadda fuqi fil-media”.
Filwaqt li rringrazzja lit-tmexxija tal-Fondazzjoni għall-fiduċja li dejjem uriet fih, Buhagiar awgura li l-attivitajiet ippjanati imorru kif mixtieq.
Fi stqarrija b’reazzjoni għal dan, il-Fondazzjoni Valletta 2018 qalet li r-riżenja ta’ Buhagiar m’għandha xejn x’taqsam max-xogħol li hu kien ikkuntrattat li jagħmel mal-Fondazzjoni.
Il-Fondazzjoni qalet li hi sfortuna li tilwima bejn Azzopardi u Buhagiar waslet għal din ir-riżenja.
Il-Fondazzjoni, waqt li rringrazzjat lil Sean Buhagiar, qalet li tibqa’ disposta li taħdem miegħu fil-futur.
//= $special ?>