Lokali Qorti

Akkużi foloz ta’ abbuż sesswali minn missier fuq it-tifla minorenni

Mara ta’ nazzjonalita Russa, residenti Għawdex li ivvintat storja fuq l-eks raġel tagħha li abbuża seswalment lit-tifla tal-koppja li għandha sitt snin, instabet ħatja. Il-mara ġiet ikkundata 13-il xahar ħabs sospiżi għal sentejn mill-Qorti. L-akkuża ta’ abbuż sesswali fuq minorenni saret mill-omm f’Marzu tal-2014.

L-ispettur tal-Pulizija Melvin Camilleri xehed fil-Qorti, fejn qal li fl-investigazzjoni li għamel maż-żewġt itfal tagħhom, irriżulta li huma ġew instigati minn ommhom kontra misserihom stess. Hu stqarr li dubju qam waqt li kien qiegħed f’intervista ta’ sagħtejn mal-omm fid-Depot, fejn il-mara aktar milli dehret preokkupata b’dak li ġara allegatament lit-tifla, kienet qegħda moħħha biex timmalafama lir-raġel tagħha. L-ispettur stqarr li hu f’ħin minnhom talaba tgħid xi ħaġa tajba fuq l-eks raġel i#da hi qalet li ma hemm xejn tajjeb fih. Kompla billi rrimarka li t-tifla ta’ sitt snin kellha istruzzjonijiet minn ommha xi tgħid ukoll waqt l-intervista. Tant li t-tifla ma kinitx kapaċi tispjega sew kif u fejn missha missierha. L-ispettur stqarr li hawnhekk it-tifla dahret fuq ommha u kellimtha bir-Russu. Fl-aħħar, wara li l-ispettur kompla jżid d-doża tad-domandi, it-tifla ammettiet li ommha kienet qaltilha beix tgħid hekk.

Minn naħa l-oħra, missier it-tifla, li hu Għawdxi, ċaħad kull ma qalet l-omm fil-konfront tiegħu mat-tifla tagħhom. Hu spjega wkoll kif f’każ separat hu kien diġa ttella’ l-Qorti b’akkuża li tratta ħażin lit-tfal. Il-missier semma wkoll kif huma attendew għall-sessjonijiet ma’ counsellor appuntat mill-Qorti biex jkollhom parir kif il-koppja jistgħu itejbu r-relazzjoni ta’ bejniethom, u hu ssuġerixxa li jkollhom t-tieni tarbija, tat-tifel li llum għandu tliet snin.

L-ispettur Melvin Camilleri wasal għall-konklużjoni li fir-rakkomandazzjoni tiegħu, m’hemmx lok għall-proċeduri kriminali kontra l-missier. Anzi, għandhom jiġu investigati l-allegazzjonijiet tal-omm.
Il-Maġistrat Joe Mifsud, li mexxa l-kawża, ħa d-deċiżjoni tiegħu abbażi tal-provi miġjuba quddiem il-Qorti mill-Pulizija. B’hekk l-omm instabet ħatja.