Iżda l-allegat aggressur qed jgħid li ssawwat mill-Pulizija
Numru ta’ Pulizija kienu qed jiġu investigati dwar allegazzjoni ta’ żagħżugħ ta’ 18-il sena li qed jgħid li ssawwat mill-Pulizija. Iż-żagħżugħ madanakollu kien involut f’żewġ argumenti separati, li fihom it-tnejn, ħebb għall-istess Pulizija li qed jiġu investigati.
NETnews.com.mt jista’ jiżvela dettalji dwar dawn iż-żewġ argumenti separati li fihom kien involut dan iż-żagħżugħ miż-Żebbuġ Għawdex.
Fl-ewwel argument, li seħħ madwar ġimgħatejn ilu, iż-żagħżugħ kellu argument u ġġieled ġewwa stabbiliment f’Għawdex stess u eventwalment ħebb għall-Pulizija. F’dan l-ewwel każ, iż-żagħżugħ kien arrestat, iżda sussegwentament, allega li ġie msawwat mill-Pulizija.
Filfatt, NETnews.com.mt jinsab infurmat li d-Dipartiment tal-Affarijiet Interni tal-Korp tal-Pulizija kien qed jinvestiga lill-Pulizija involuti fil-każ. Madanakollu, iż-żagħżugħ ma tfaċċax meta kien mitlub li jmur jagħti l-verżjoni tiegħu.
Iżda l-istorja ma waqfitx hemm, hekk kif fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, l-istess żagħżugħ kien involut f’argument ieħor f’stabbiliment differenti f’Għawdex. F’dan l-argument, intalbet l-assistenza tal-Pulizija, li min-naħa tagħhom rnexxielhom jarrestaw liż-żagħżugħ.
Skont informazzjoni li għandu dan is-sit, anke f’dan it-tieni każ, iż-żagħżugħ ħebb għall-Pulizija, beżaq f’wiċċ Surġent tal-Pulizija u qatta’ l-uniformi ta’ Pulizija ieħor. Il-Pulizija rnexxielhom jarrestaw liż-żagħżugħ iżda fl-Għassa tal-Pulizija tar-Rabat, il-ġuvni reġa’ qala’ ħafna storbju fejn fost l-oħrajn waddab xi siġġijiet u reġa’ għamel għall-Pulizija.
Fil-każ tat-tieni argument, iż-żagħżugħ tressaq il-Qorti t’Għawdex fejn kien immultat 800 ewro iżda dwar l-ewwel argument għadhom iridu jinħarġu l-akkużi fil-konfront tiegħu.
Intant, NETnews.com.mt bagħat sensiela ta’ mistoqsijiet lill-Pulizija, fejn fost l-oħrajn staqsejna fiex waslet l-investigazzjoni interna fil-konfront tal-Pulizija involuti u li dan iż-żagħżugħ qed jallega li ssawwat minnhom.
“Każijiet ta’ vjolenza fuq il-Pulizija qed isiru xi ħaġa ta’ kuljum” – Sandro Camilleri
Dwar dan il-każ, NETnews.com.mt ħa l-kummenti tal-President tal-Union tal-Pulizija Sandro Camilleri li min-naħa tiegħu qal li l-każijiet ta’ vjolenza fuq il-Pulizija qed isiru xi ħaġa ta’ kuljum.
Il-President tal-POU-GWU qal li qed jiżdiedu wkoll l-allegazzjonijiet dwar swat minn membri tal-Korp tal-Pulizija fejn “kulħadd qed jallega fuq il-Pulizija bl-addoċċ”.
Parti mill-problema hi minħabba l-fatt li l-istat m’għadux qed jagħti l-protezzjoni li l-Pulizija għandhom jingħataw, sostna Sandro Camilleri, li żied li l-amministrazzjoni tal-Korp “qed tipprova ssallab lill-membri tagħha stess” minflok tipprova tgħin.
//= $special ?>