Edukazzjoni Lokali

“Draw the Line” tal-SDM diskussa ma’ Simon Busuttil

“Draw the Line” hi inizjattiva li tnediet f’Jannar mill-organizzazzjoni tal-istudenti SDM, bl-iskop li jkun hawn aktar għarfien dwar bullying, anke fost l-adulti.

Il-President tal-SDM Ian Zahra, flimkien mal-membri l-oħra tal-organizzazzjoni, dalgħodu ltaqgħu mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil biex jiddiskutu mieghu x-xogħol li qed jagħmlu ħalli l-inizjattiva tkun suċċess.

Ian Zahra qal li permezz ta’ din il-kampanja qed jattendu fi Skejjel biex jgħallmu lill-istudenti li l-bullying ma jeżistix biss meta jkunu għadhom l-iskola, iżda anke fost l-adulti. Qal li fil-livelli tal-edukazzjoni post-sekondarja u terzjarja, il-bullying hu suġġett li ma tantx hu diskuss, iżda mingħajr dubju preżenti.

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li hu ta’ sodisfazzjon għalih li jara li l-ideat taż-żgħażagħ ma jinżammux biss fuq il-Kampus iżda jmorru oltre. Qal li b’din il-kampanja qed ipoġġu subgħajhom fuq problema li ħafna qed jaffaċċjaw fis-soċjetà, anke fl-atmosfera politika.

Akkumpanjat mix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni Therese Comodini Cachia u mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni David Agius u Clyde Puli, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li meta persuna tkun f’pożizzjoni ta’ poter ikun faċli għaliha li jkollha atitudni ta’ bully. Iżda l-bully hu kodart u kif tieqaflu joħroġ il-veru karattru tiegħu.