Eks-PM jibda jiskonta piena l-ħabs
IŻRAEL
Ehud Olmert sar l-ewwel eks-Prim Ministru Iżraeljan li beda jiskonta piena l-ħabs.
Dan hekk kif ilbieraħ hu twassal lejn il-ħabs ta’ Maasiyahu biex jiskonta piena ta’ 19-il xahar minħabba tixħim u li pprova jfixkel il-ġustizzja.
Il-ġrajja kienet waslet għar-riżenja tiegħu fl-2006 hekk kif kien qed isir l-uniku sforz serju għal dawn l-aħħar snin għall-paċi bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani.
Qabel ma mar il-ħabs, Olmert ħareġ video fejn ipprova jiġbor ġieħu u ħeġġeġ l-Iżraeljani biex ma jinsewx l-isforzi li kien għamel għall-paċi u għal darb’oħra ċaħad l-akkużi ta’ tixħim u żied li dan kien żmien stramb għalih u kien qed iħallas prezz qares imma żied li kien jaċċetta l-piena għaliex ħadd ma kien lil hinn mil-liġi.
Olmert għall-ewwel kien kundannat għal sitt snin ħabs imma wara appell quddiem il-Qorti Suprema din tnaqqset għal 19-il xahar. Olmert li għandu 70 sena kien akkużat li kien ingħata flus biex jippromovi proġett ta’ bini. L-akkużi kienu għaż-żmien meta kien Sindku ta’ Ġerusalemm u Ministru tal-Kummerċ. Snin qabel ma kien elett Prim Ministru u xi ħaġa li saħaq fuqha fil-filmat li ħareġ.
Olmert qed jistenna wkoll id-deċiżjoni ta’ każ ieħor quddiem il-qrati Iżraeljani, li hu dwar akkużi li kien ingħata flus minn Amerikan għall-kampanja elettorali.
Olmert mhux l-ewwel uffiċjal għoli Iżraeljan li spiċċa l-ħabs. Wara l-iżbarri hemm l-eks-President Moshe Katsav li qed jiskonta piena ta’ seba’ snin ħabs għal stupru.
Eks-PM Iżraeljan jibda jiskonta piena l-ħabs minħabba tixħim
