Għall-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici, il-membru tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja kkwotat illum mill-ġurnal The Times hu skorrett.
Il-Ministru Bonnici kien qed iwieġeb dwar l-aħħar intopp fin-nomina ta’ Caroline Farrugia Frendo, bint l-Ispeaker Anġlu Farrugia, kif żvelat minn The Times. Il-ġurnal kien qed jikkwota membru tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, li qal li ż-żmien li Farrugia Frendo għamlet bħala Court Attorney ma jgħoddx bħala prattika ta’ Avukat.
Mistoqsi wkoll jekk hux dispost iwaqqaf in-nomini sakemm jidħlu fis-seħħ ir-riformi fin-nomini tal-Ġudikanti li dwarhom hemm qbil, Owen Bonnici eskluda dan u qal li jkun irresponsabbli li jerġa’ jiżdied il-‘backlog’ ta’ kawżi minħabba friżar fin-nomini.
Flimkien ma’ Owen Bonnici, indirizza wkoll il-konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista l-Ministru tal-Enerġija Konrad Mizzi, biż-żewġ Ministri qalu li l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil hu perikoluż u qed jispara bl-addoċċ fil-kritika tiegħu għas-setturi rispettivi tagħhom.
Filwaqt li akkuża lil Simon Busuttil li qed jispara bl-addoċċ, il-Ministru Konrad Mizzi ħarab milli jwieġeb dwar dak li qal hu stess fil-kampanja elettorali, ewlieni fosthom li l-Power Station kellha titlesta sena ilu.
Konrad Mizzi lanqas ma wieġeb dwar ir-rapporti tal-ġimgħa li għaddiet, fejn intqal li t-tanker u l-faċilità tal-gass se titlesta fit-tielet kwart ta’ din is-sena. Hu qal biss li l-bini se jitlesta f’Mejju u l-Power Station se tibda taħdem fis-Sajf. Madankollu, evita li jikkonferma d-data li ta lill-Parlament għat-tlestija finali tal-proġett, jiġifieri f’Ġunju 2016.
Jekk id-data tat-tlestija tiċċaqlaq, din tkun it-tieni darba li jkun pospost il-proġett li kien wegħda ewlenija tal-Partit Laburista. Dan wara li l-Power Station kellha tkun lesta f’Marzu 2015.
Taħt il-filmat: Stqarrijiet maħruġa mill-Partit Nazzjonalista …
L-arroganza ta’ Owen Bonnici bla limitu
Sadanittant, fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li d-dikjarazzjonijiet tal-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici jikkonfermaw kemm l-arroganza ta’ Bonnici hi bla limitu.
Il-Partit Nazzjonalista qal li quddiem dubji ġodda dwar il-ħatra tal-Avukat Farrugia Frendo, Owen Bonnici qed jibqa’ jwebbes rasu, tant li akkost ta’ kollox ma jridx li jmur quddiem il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja b’dawn id-dubji.
Il-Partit Nazzjonalista staqsa x’inhi r-raġuni li Owen Bonnici qed jibqa’ jwebbes rasu u ma jmurx quddiem il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, kif ukoll jekk jafx li jekk imur quddiem il-Kummissjoni, ma jkunx jista’ jaħtar lill-Avukat Farrugia Frendo bħala Maġistrat. Il-Partit Nazzjonalista staqsa wkoll jekk teżistix xi wegħda personali biex l-Avukat Farrugia Frendo tinħatar Maġistrat.
Il-Partit Nazzjonalista insista li kieku m’għandux dubju dwar l-eliġibbiltà tal-Avukat Farrugia Frendo, kieku Owen Bonnici jmur quddiem il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja. Madankollu, l-arroganza ta’ Owen Bonnici m’għandhiex limitu.
Joseph Muscat u Konrad Mizzi qed jgħixu gidba – il-PN
U fi stqarrija separata, wara li l-Ministru Konrad Mizzi ma tax garanzija li l-Power Station il-ġdida se tkun lesta f’Ġunju li ġej, il-Partit Nazzjonalista qal li dan juri li Konrad Mizzi u Joseph Muscat qed jgħixu gidba.
Il-Partit Nazzjonalista fakkar kif qabel l-elezzjoni, Muscat u Mizzi wegħdu Power Station ġdida biex jorħsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma, kif ukoll li din żgur tkun lesta sa Marzu 2015. Wara li diġà fallew dwar din il-wegħda, Muscat u Mizzi wegħdu li l-Power Station il-ġdida se tibda taħdem sa Ġunju 2016, iżda issa jidher li anke din il-wegħda kienet gidba.
Barra minhekk, kompla l-Partit Nazzjonalista, il-fatt li l-Gvern qed jintrabat li jixtri l-elettriku mill-Power Station il-ġdida bi prezz ogħla mill-prezz tal-interconnector, ifisser li minflok traħħas il-kontijiet, din il-Power Station se żżommhom kif inhuma minkejja li l-prezz internazzjonali taż-żejt naqas b’75% fuq tliet snin ilu.
L-istqarrija temmet tgħid li dan kollu juri li Muscat u Konrad Mizzi qed jgħixu gidba, li qed jippruvaw ibellgħuha lill-poplu Malti u Għawdxi.
//= $special ?>