Is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne ddikjara fi stqarrija ministerjali fil-Parlament illejla, li f’Malta m’hawnx nemus infettat bil-virus taz-Zika.
Fisser kif il-Gvern qiegħed isegwi r-rakkomandazzjonijiet ta’ ċentri internazzjonali b’rabta mal-virus taz-Zika u li l-aktar li qed jinfirex il-virus hu fl-Amerika Latina. Jirriżulta wkoll mill-istatistika internazzjonali, li wieħed minn kull ħames pazjenti biz-Zika, qed jimrad.
Is-Segretarju Parlamentari tkellem dwar il-miżuri li ttieħdu mid-Dipartiment tas-Saħħa f’pajjiżna hekk kif ħareġ l-avviż ta’ emerġenza internazzjonali ta’ dan il-virus, l-aktar dwar dawk li jkunu ġejjin jew li jkunu se jivvjaġġaw lejn dawn il-pajjiżi fejn hemm il-virus.
Semma wkoll il-każ li rriżulta f’Malta fuq raġel li kien għadu kif jidħol f’Malta. Ir-raġel illum m’għadux aktar iżolat għax jinsab tajjeb wara li issa ilu li ħariġlu l-virus ġimagħtejn. Kien hemm ukoll erba’ persuni li nstabu li huma ħielsa minn dan il-virus wara li kien stabbilit li setgħu ġew f’kuntatt ma’ dan il-virus, mhux f’pajjiżna. Appella għal parir mediku għal dawk il-persuni li jkunu se jżuru xi pajjiż fejn hemm il-virus taz-Zika.
Ħabbar ukoll li twaqqaf ukoll kumitat ta’ ħidma dwar dan il-virus bis-sehem ukoll tal-Oppożizzjoni, u elenka s-seba’ punti l-aktar importanti li qed jaħdem fuqhom dan il-Kumitat.
Ix-Shadow Minister għas-Saħħa Claudette Buttigieg tkellmet dwar l-importanza tal-ħidma ta’ dan il-Kumitat li twaqqaf u appellat li l-ħidma għandha tiffoka l-aktar fuq kif il-poplu jkun viliġanti dwar in-nemusa, li l-esperti jsostnu li titkattar f’postijet li huma żgħar bħal vażuni li jitħallew b’ilma.
Semmiet ukoll il-fatt li t-temp s’issa hu favurina u staqsiet x’pariri ngħata l-Gvern dwar jekk tiġi x-xita, u l-possibbiltà li magħha jiġu dan in-nemus. Staqsiet ukoll xi pjan hemm f’din l-eventwalità, u kif se jinstab il-bilanċ bejn dak li hu aċċettabbli għas-saħħa tagħna fl-użu tal-isprays kontra dan il-virus minħabba li dan jagħmel ħafna ħsara.
Filwaqt li rrimarkat li l-problema tal-virus mhix mifruxa bl-istess mod fil-pajjiżi kollha fl-Amerika Latina, staqsiet x’pariri qed jingħataw lill-Maltin li jiffrekwentaw ċerti destinazzjonijiet popolari għall-vaganzi, bħalma hu t-Tajlandja.
Kumitati Olimpiċi nkwetati bil-parteċipazzjoni fl-Olimpjadi fil-Brażil f’Ġunju li ġej
Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami, qajjem il-każ li qed jinkwieta ħafna Kumitati Olimpiċi madwar id-dinja b’rabta mal-parteċipazzjoni fl-Olimpjadi ta’ Ġunju li ġej fil-Brażil.
Semma li Malta wkoll se jkollha l-kontinġent tagħha fil-Brażil u staqsa jekk hemmx diskussjonijiet għaddejjin dwar dan u l-prekawzjonijiet li qed isiru għall-kontinġent Malti. Staqsa wkoll jekk il-Gvern għamilx kuntatt u bediex jiddiskuti mal-Kumitat Olimpiku Malti.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Fearne rirmarka fil-konklużjonijiet tiegħu, li l-każ li ġie identifikat f’Malta, kif ukoll dawk fil-pajjiż Ewropej kollha kienu impurtati u oriġnaw minn pajjiżi fejn hemm il-virus. Il-biża hu li tiġi persuna infettata, jew li jiġu jew jiddaħħlu nemus infettat.
Fakkar li meta ġiet l-Asian Tiger bl-virus f’pajjiżna snin ilu, kienet ġiet f’bajd li kien se jfaqqas u li kien f’ilma qiegħed f’tyre li ġie impurtat.
Fisser ukoll li aktar ma joqrob is-sajf, u jkun hawn aktar nemus, aktar jikber il-periklu iżda saħaq li s’issa n-nemus f’pajjiżna mhux infettat. L-aktar li jbejjed dan in-nemus infettat hu f’ilma qiegħed u f’għadajjar żgħar. Appella biex ma nħallux plattini ta’ qsari jew xi kontenituri oħrajn b’ilma qiegħed fl-ambjent tagħna.
Ħabbar li se jkun qed jiġi ppubblikat materjal ta’ informazzjoni dwar dan il-virus u dwar dan in-nemus, filwaqt li qed issir riċerka u studji oħrajn dwar it-tip ta’ nemus li jkun hawn f’pajjiżna.
Fil-gazzetta tal-Gvern ukoll se jkun ippubblikat avviż ta’ mandatorju għal dawk il-persuni li jkunu ġew minn pajjiżi fejn hemm il-virus taz-Zika u jkollhom sintomi ta’ mard, li issa se jkollhom joqogħdu għal testijiet mediċi.
//= $special ?>