Għawdex Kultura

Frozen: L-aħħar produzzjoni tal-Gozo Creative Theatre Club

Miktuba minn Bryony Lavery

B’kollaborazzjoni mal-Uffiċċju tal-Kultura u l-Informazzjoni fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, il-grupp teatrali Gozo Creative Theatre Club se jtella’ l-produzzjoni emozzjonali u pedanti “Frozen”. Din id-drama hi miktuba mill-awtur u direttur Ingliż Bryony Lavery.

“Frozen” titratta l-qtil ta’ tifla ta’ 10 snin minn qattiel krudili li kien magħruf għall-moħqrija li juri mat-tfal. Din il-produzzjoni tikkonċentra fuq Agnetha, psikoloġista speċjalizzata fil-kriminalità, u r-relazzjoni tagħha ma’ Ralph u Nancy. Ralph hu pedofilu u qattiel magħruf, filwaqt li Nancy hi omm vittma ta’ Ralph. Il-ħajja ta’ dawn il-protagonisti ssir waħda, tant li konsegwentament jitbiddlu u ma jibqgħux tas-silġ għax jaħbtu wiċċ imb’wiċċ mal-idea tal-maħfra.

“Frozen” tqanqal diversi mistoqsijiet importanti dwar il-ġustizzja kriminali. Il-qattiel ħati ta’ kollox jew l-aġir tiegħu hu biss sintomu ta’ mard? Din il-produzzjoni tesplora wkoll l-att ta’ maħfra. Kif jista’ jkun possibbli għall-omm li taħfer lir-raġel li abbuża sesswalment u qatel lil bintha ż-żgħira? Fuq kollox, din il-produzzjoni hi waħda kompassjonali li titratta weġgħat, tpattija, maħfra u li wieħed ivinċi meta ma jkunx jiflaħ jibqa’ għaddej.

L-atturi f’din il-produzzjoni huma Sharona Refalo bħala Agnetha, Andy Fava bħala Ralph, Marlene Saliba bħala Nancy u Darren Muscat bħala Guard. Din il-produzzjoni hi f’idejn id-direzzjoni artistika ta’ George Mizzi, li hu wkoll id-Direttur tal-klabb teatrali. Id-drama se tkun ambjentata fiċ-Ċentru tal-Kultura fiċ-Ċittadella is-Sibt u l-Ħadd, 27 u 28 ta’ Frar mis-7.30pm ‘il quddiem. Id-dħul hu b’xejn fuq bażi ta’ ‘first come first serve’.