… meta l-poplu qed iħallas l-ogħla prezzijiet meta jimla l-karozza bid-diesel u l-petrol
Ix-Shadow Minister Marthese Portelli filwaqt li staqsiet lill-Gvern jispjega għaliex u fuq xiex qiegħed jagħti t-tripplu tas-sussidju lill-kumpanija Spanjola biex tmexxi t-trasport pubbliku meta s-servizz għadu diżastru u l-Ministru falla, staqsiet ukoll jekk l-Ispanjoli hux qed jibbenefikaw minn xi rata sussidjata fuq id-diesel tal-karozzi li qed jixtru mingħand l-Enemed.
Meta tkellmet illejla fil-Parlament fil-ħin tal-aġġornament, ix-Shadow Minister saħqet li tistenna mill-Gvern risposta ċara, għax wisq tibża’ li l-Ispanjoli qed igawdu minn xi eluf kbar oħra b’mod indirett fuq id-diesel tal-karozzi tal-linja.
Irrimarkat li dan ikun skandlu ikbar jekk l-Ispanjoli qed jieħdu d-diesel bi prezz sussidjat meta l-poplu qed iħallas l-ogħla prezzijiet meta l-konsumatur imur jimla l-karozza tiegħu bid-diesel u l-petrol.
Saħqet li l-poplu jixraqlu rispett u jixraqlu aħjar meta qed iħallas tliet darbiet aktar f’sussidju u servizz ma tjiebx, bil-poplu jibqa’ jhallas ghal dawn is-sussidji minghajr ma jiehu servizz.
Xamma tinten
Marthese Portelli rriferiet għall-intervista li l-Ministru ta lil Malta Today u saħqet li jekk inhu veru li għandna Ministru jiġri wara l-buses biex jara l-problema b’għajnejh, biex jaqbadhom fil-fatt, jidher iżda li l-buses jaħarbulhu qegħdin.
Saħqet li hawn xamma tinten. Il-kuntratt li ffirma u li qal li se jġib miegħu fil-Parlament, għadu ma tfaċċax. L-intervista kkonfermat li l-Ministru m’għandux kontroll fuq l-Ispanjoli li qed jagħmlu li jridu u saħansitra rnexxielhom jikkonvinċuh biex ma jwaħħalhomx multi.
F’sentejn sħaħ il-Ministru ma jkollux informazzjoni fuq landament tar-rotot
Irreferiet ukoll għal diversi mistoqsijiet parlamentari li għamlet lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura dwar is-servizz tat-trasport pubbliku, u staqsiet kif jista’ jkun li f’sentejn sħaħ il-Ministru ma jkollux informazzjoni fuq landament tar-rotot.
Irrimarkat li mhux ta’ b’xejn li t-trasport pubbliku hu dizastru meta titkellem ma’ min titkellem, kulhadd hu tal-istess fehma u kulhadd jgħid li llum ma tkunx taf jekk tal-linja hiex se titfaċċa jew le, u jekk titfaċċa fi xħin se titfaċċa.
Mat-€30 miljun jiżdiedu kważi nofs miljun oħra f’sussidji indiretti
Irrimarkat li minn €10 miljun ta’ qabel li kienu jingħataw lill-Arriva, il-Ministru Mizzi ħass il-bżonn li lill-Ispanjoli jagħtihom €30 miljun. Staqsiet ta’ xiex qed jieħdu dan is-sussidju l-Ispanjoli. Ma’ dawn, il-Gvern qed jagħti wkoll kważi nofs miljun oġra f’sussidju indiriett – f’€400,000 f’reklamar, f’sussidju fuq tallinja card u aktar sussidju billi rranġalhom il-bus shelters u s-sinjali.
“Le t-trapsort pubbliku ma tjiebx meta l-Gvern qed jonfoq tliet darbiet aktar f’sussidju”, saħqet ix-Shadow Minister Marthese Portelli, li kompliet li flok jammetti li falla, il-Ministru responsabbli jwaħħal fin-nies.
Il-Ministru jibqa’ jiċħad dak li qed jgħidu n-nies
Semmiet li wara l-intervista mal-Ministru Joe Mizzi mill-MaltaToday, ħasset li kellha terga’ titkellem fuq it-trasport pubbliku meta l-Ministru mhux jasallu l-messagg u l-karba tan-nies dwar is-servizz tat-trasport pubbliku, bil-Ministru jibqa’ jiċħad dak li qed jgħidu n-nies.
Meta rriferiet għal diversi dikjarazzjonijiet li għamel il-Ministru Joe Mizzi fl-intervista dwar it-trasport pubbliku, Marthese Portelli qalet li l-Ministru baqa’ jgħid li m’hemm ebda diżastru fit-trasport pubbliku meta l-istess Ministru għamel riforma tar-riforma tar-riforma tiegħu stess, u jibqa’ jgħid “there’s no disaster”. Staqsiet jekk il-Ministru ma jaqrax gazzetti, jekk ma jirceviex ilmenti u jekk in-nies ikellmuhx dwar in-nuqqasijiet fis-servizz.
Tkellmet ukoll dwar Tal-linjakard u semmiet każ ta’ tifla ta’ 10 snin li kellha tallinja kard għat-tfal valida, b’valur ta’ €19.75. Il-problema kollha nqalghet kif ghalqet 11-il sena, meta kienet sejra lura d-dar u xħin telgħet fuq il-karozza u x-xufier qalilha li l-kard ma tistax tużaha għax ghalqet 11-il sena u talabha tħallas €2. Din it-tifla ma kellhiex €2 fuqha u x-xufier talabha tinżel.
Tifla ta’ 11-il sena tintalab tinżel minn fuq tal-linja
Marthese Portelli sostniet li din hi sitwazzjoni li turi fiex jinsab it-trasport pubbliku f’pajjiżna u li l-Ministru jrid jindirizza għax ix-xufier kien qed jobdi l-istruzzjonijiet, u li kieku m’għamilx hekk kien jeħel multa hu. Staqsiet meta se jsir effiċjenti t-trasport pubbliku? Meta se jsir customer friendly wara tliet snin nistennew ir-riforma tal-Ministru Joe Mizzi!
Semmiet każ ieħor ta’ ġuvnott li nqassmitlu l-kard, u biex applika kellu jħallas €5, jistenna ġimagħtejn u sadattant iħallas il-prezz sħiħ bl-ispiża titla’ għal €35 – spiża totali ta’ €40.
Il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel jibqgħu eżorbitanti
Tkellmet fuq suġġett iehor li wkoll qed jolqot in-nies b’mod inġust – il-prezzijiet eżorbitanti tal-petrol u d-diesel li qed iħallsu l-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin. Meta d-diesel hu €1.22 is-sitt l-ogħla fl-UE.
Semmiet li anke l-petrol qed inħallsu €1.32, it-tielet l-aktar għoli fost it-28 membru tal-UE. Dan meta l-prezz taż-żejt illum hu ta’ 29 dollaru l-barmil. Fakkret li l-aħħar li kien l-istess prezz, 30 dollaru l-barmil, il-petrol kien 83ċ meta llum hu 49ċ kull litru iktar; u d-diesel kien 61ċ – illum id-doppju.
//= $special ?>