Il-Bank of Valletta nieda programm ta’ finanzjament għall-intrapriżi żgħar u medji (SMEs), bl-isem “Jaime”. Dan wara li l-Bank rebaħ proċess kompetittiv li kien miftuħ għall-istituzzjonijiet finanzjarji f’Malta.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-kwartieri tal-Bank of Valletta, il-Kap tat-Taqsima responsabbli mill-Finanzjament tal-SMEs Alfred Attard qal li b’kollox hemm allokazzjoni ta’ madwar €50 miljun (€33 miljun mill-Bank għall-Investiment Ewropew, €15 miljun mill-fondi ERDF u ftit anqas minn €2 miljun mill-fond Horizon 2020).
Hu stmat li ftit aktar minn 700 intrapriża se jibbenefikaw minn dan il-programm, li joffri kundizzjonijiet vantaġġjużi għall-SMEs, fosthom rata fissa ta’ imgħax ta’ 3.5% u tnaqqis ta’ 75% fis-sigurtà li tkun normalment mitluba. Alfred Attard qal li s-self, sa massimu ta’ €500,000, jista’ jitħallas lura fi żmien sentejn sa 10 snin, bil-kontribuzzjoni minima hi ta’ 20%.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta Mario Mallia qal li l-Bank dejjem kien fuq quddiem fil-qasam tal-finanzjament tal-SMEs. Xhieda ta’ dan hu l-fatt li 70% tal-valur tas-self kollu tal-BOV hu self lil negozji żgħar u medji, kif ukoll il-programmi varji li nieda l-Bank bil-kollaborazzjoni mal-Gvern u l-Unjoni Ewropea għal dawn l-aħħar snin, li kien kisbu suċċess kbir.
Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Ian Borg, li spjega li l-parti tal-programm iffinanzjata mill-Gvern permezz tal-fondi ERDF tammonta għal €15 miljun. Qal li mhux eskluż li l-Gvern iżid il-kontribuzzjoni jekk jara li jkun hemm domanda qawwija mill-SMEs.
//= $special ?>