Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li jinnota li dak żvelat minn The Times tal-lum, jiġifieri li jeżistu dubji ġodda dwar il-ħatra tal-Avukat Caroline Farrugia bħala Maġistrat.
Dak żvelat minn The Times ipoġġi dubji ġodda dwar din il-ħatra, għax issa jidher li hemm ostaklu ġdid biex din il-persuna tinħatar Maġistrat. Il-Partit Nazzjonalista fakkar li dwar din il-ħatra, diġa’ tqajmu dubji serji minħabba l-fatt li l-Avukat in kwistjoni għad m’għandiex seba’ snin esperjenza bħala avukat. Issa, ħarġet evidenza ġdida li tkompli ssaħħaħ dan il-punt.
F’dan id-dawl, il-Partit Nazzjonalista qal li qed jitlob lill-Ministru tal-Ġustizzja jirreferi l-każ għand il-Kummissjoni dwar l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja għall-parir tagħha dwar id-dubji ġodda li tqajmu.
Reġa’ talab lill-President ta’ Malta – kemm fil-kariga tagħha ta’ President tar-Repubblika ta’ Malta, kif ukoll bħala President tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja – biex tassigura li ma tgħaddix għall-ġurament tal-ħatra ta’ din il-persuna qabel ma jkun ikkonfermat li qed tiġi rispettata l-Kostituzzjoni.
Kif ukoll insista li l-Prim Ministru u l-Ministru Owen Bonnici jissospendu kull ħatra fil-ġudikatura, sakemm issir ir-riforma fil-mod kif jinħatru l-membri tal-ġudikatura. Il-Partit Nazzjonalista qal li r-riforma illum saret urġenti minħabba l-mod abbużiv li bih il-Gvern qed jaħtar il-membri tal-ġudikatura.
//= $special ?>