“Għażiża ommi, xtaqt ngħidlek li rritornajt id-dar qawwi u sħiħ. Ġejt milqugħ bħala eroj. L-anġli kienu sorpriżi kif għext daqstant fid-dinja u spjegajtilhom li r-raġuni kienet l-imħabba, l-imħabba ta’ omm li wellditni u aċċettatni kif jien.”
Għall-aħħar 21 sena, Joanna Mulholland u żewġha James għexu għal Jethro, żagħżugħ li għal tant żmien bata l-effetti tas-celebral palsy. Sfortunatament Jethro ħalla din id-dinja l-ġimgħa li għaddiet.
Wara li ngħata l-aħħar tislima, missier Jethro fuq Facebook ippubblika ittra li kiteb hu f’isem ibnu, u li fiha jispikka l-messaġġ ta’ ringrazzjament ta’ żagħżugħ li minkejja li ma setax jgħid dan il-kliem, żgur li kien jemmnu.
Ittra li fuq kollox tispjega t-tbatija li għaddiet minnha l-familja Mulholland biex Jethro ngħata l-aħjar trattament possibbli. Fost l-oħrajn jingħad kif Joanna kienet tqatta’ ljieli bla rqad biex tħarsu.
“L-imħabba ta’ omm li ssagrifikat sitt sigħat kuljum biex titmagħni, li ssagrifikat tmien sigħat kuljum għall-fiżjoterapija,” jingħad fl-ittra. Matul dawn is-snin il-familja kellha tadatta anke’ bix-xiri ta’ karozza armata b’lifter, sodda u ikel speċjali kif ukoll mediċini li kellu bżonn Jethro.
Il-kundizzjoni ta’ Jethro wasslet ukoll lil Joanna biex tipprova tfittex kull kura possibbli għal binha minn madwar id-dinja, fost l-oħrajn fir-Renju Unit, ir-Russja u Ċipru.
“Grazzi ma. Wettaqt il-missjoni tiegħek b’suċċess. Iva ma, kollox idur mal-imħabba, u mil-lum ‘il quddiem se nibqa’ ħdejk għaliex ħadd ma jista’ jissepara l-imħabba bla tmiem li bdejt int, u li tgħaqqadna sal-eternita’. Inħobbok ma,” ittemm l-ittra ffirmata f’isem Jethro.
//= $special ?>