Kurżitajiet

Kaċċa għall-‘bojja tal-qtates’ fi Croydon

Il-famuż attur Martin Clunes intervjena f’investigazzjoni kriminali fir-Renju Unit fejn ħeġġeġ biex il-pulizija jżidu l-isforzi ħalli jinqabad ‘bojja tal-qtates’ misterjuż fl-inħawi ta’ Croydon, lejn in-Nofsinar ta’ Londra.

L-awtoritajiet jaħsbu li persuna – imlaqqma ‘The cat ripper of Croydon‘ – hi responsabbli għall-massakru ta’ mill-anqas 35 qattus fl-inħawi, b’Martin Clunes jikteb lil Scotland Yard fejn sejjaħ biex il-pulizija jaqbdu lill-individwu kkonċernat mill-aktar fis.

Il-qtates inqatlu b’varjetà ta’ mezzi – b’uħud jaqilgħu tiri u b’oħrajn jispiċċaw dekapitati. Kien hemm ukoll qtates li rnexxielhom jaħarbu wara li sfaw attakkati iżda dawn baqgħu jbatu minn feriti kkaġunati bi strumenti tal-ponta kif ukoll minn tipi oħra ta’ sfreġju.

Clunes, li kien jattendi l-iskola fi Croydon, bagħat email lill-Kummissarju tal-Pulizija Metropolitana, Sir Bernard Hogan-Howe, f’isem il-grupp Peta għad-drittijiet tal-annimali.

Hu kiteb li kien qara dwar l-atroċitajiet li qed ikunu suġġetti għalih il-qtates fi Croydon u li huma ‘ħmar il-lejl għal din il-komunità fejn ir-residenti bir-raġun iħossuhom imnikkta u mbeżżgħin’. L-attur, fl-istess ħin, enfasizza li ‘ħadd ma jista’ jħossu trankwill dment li l-persuna responsabbli għadha tiġi ħielsa fl-inħawi’.