Is-servizz indipendenti tat-tbassir tat-temp firstmalta.com qed iħabbar li l-aħħar simulazzjoni bil-kompjuter qed tindika li ċ-Ċiklun “Charlene” se jkun qed jgħaddi qrib ħafna ta’ Malta nhar il-Ħamis filgħodu.
Diversi rapporti fuq is-siti tal-midja soċjali qed jgħidu li dan iċ-ċiklun se jkun qed jagħmel ħsara kbira u se jġib miegħu xita torrenzjali u qed jinħoloq ħafna paniku għalxejn. Dan huwa kompletament żbaljat kompliet tgħid l-istqarrija ta’ FirstMalta.com għax għalkemm se nkunu qed inħossu ftit effetti miċ-Ċiklun “Charlene” m’għandniex nistennew iktar minn ftit xita kmieni l-Ħamis filgħodu u r-riħ mistenni jilħaq biss Forza 5 u 6 mill-Majjistral f’xi ħin.
Iċ-ċiklun “Charlene” se jkun qed jifforma fuq Tripli l-Erbgħa wara nofsinhar filwaqt li jieħu direzzjoni lejn l-Italja, mistenni jġib miegħu ammont ta’ trab fin minn fuq id-deżert lejna, bix-xita tkun dik magħrufa bħala tal-ħamrija.
Għalkemm in-natura ta-ċikluni tal-Mediterran hija waħda imprevedibbli u għad hemm probabbilta’ żgħira li ċ-Ċiklun “Charlene” jersaq iktar lejn il-Gżejjer maltin mhux mistenni li jolqotna dirett.
//= $special ?>