Lokali Qorti

Libertà proviżorja għar-raġel li ta daqqa ta’ ponn lil Spettur tal-Pulizija

Jallega li kien hu li qala’ daqqa ta’ ponn mill-Pulizija

Ir-raġel ta’ 50 sena mill-Imqabba li s-Sibt li għadda allegatament ta daqqa ta’ ponn lil Spettur tal-Pulizija qed jallega li kien hu li qala’ xi daqqiet mill-Pulizija.

Meta llum tressaq il-Qorti, quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, ir-raġel ċaħad li sawwat lil martu, bil-Pulizija jgħidu li dak il-ħin tal-każ, meta ntalab biex jagħti xi dokumenti lill-Ispettur Sergio Pisani, hu sar aggressiv, fosthom ma’ martu li kienet fil-karozza u l-istess Spettur.

Wara li nħareġ mill-vettura tiegħu, ir-raġel deher li kellu tbajja’ tad-demm fuq wiċċu, possibbilment wara d-daqqa ta’ ponn li ta lill-Ispettur Pisani. L-Uffiċjal tal-Korp ittieħed l-Isptar għall-kura.

Ir-raġel, li l-Qorti ordnat id-divjett ta’ ismu, tressaq il-Qorti lbieraħ. Madankollu, is-seduta kellha tiġi posposta minħabba li l-Avukat tiegħu Roberto Montalto baqa’ ma deherx. Id-Difiża qalet li fil-jiem li ġejjin, mart l-akkużat mistennija tixhed dwar l-allegazzjoni ta’ żewġha li kien aggredit mill-Pulizija.

Il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispetturi Jurgen Vella u Edelmary Camilleri, insistiet li r-raġel jinżamm taħt arrest. Madankollu, il-Qorti tatu l-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €5,000.