Spanjol ta’ 33 sena kien immultat €2,300 wara li ammetta li ġera għal fuq il-mitjar tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta biex iwaqqaf ajruplan li kien se jitlaq lejn pajjiżu mingħajru. Quddiem Ian Farrugia, Luis Salas De Teodoro ammetta l-akkuża li mar f’żona restritta tal-Ajruport mingħajr l-awtorizzazzjoni.
L-Ispettur Silvio Magro, li mexxa l-Prosekuzzjoni, qal li l-inċident seħħ ilbieraħ għall-ħabta tal-9.45am, meta ż-żagħżugħ kellu jsiefer lejn Madrid abbord titjira ta’ Ryanair. Madankollu, hu kien tard, il-gate kienet laħqet għalqet u l-istaff kien diġà żvojta d-desk taċ-check-in.
Kien f’dan l-istadju, u meta ra li l-ajruplan għadu wieqaf, li l-Ispanjol sforza l-bieb ta’ emerġenza u ħareġ għal fuq il-mitjar. Hu twaqqaf fil-ħin mill-Uffiċjali tas-Sigurtà tal-Ajruport.
Fil-Qorti, iż-żagħżugħ Spanjol spjega li l-intenzjoni tiegħu ma kinitx li jipprova jitla’ fuq l-ajruplan, iżda li jitkellem mal-impjegati tal-linja tal-ajru. Għal dan, il-Maġistrat Farrugia kkummenta li jekk persuna ma tkunx taf il-Liġi, mhux skuża biex persuna tagħmel li trid.
Il-Qorti immultat lill-Ispanjol €2,300, li jistgħu jitħallsu bin-nifs. L-Avukat Christopher Chircop deher għall-akkużat.
//= $special ?>