Kate McCann hi konvinta li bintha ma ttieħditx ‘miljuni ta’ mili’ il-bogħod mill-appartament fejn għebet f’Praia da Luz fil-Portugall f’Mejju tal-2007.
Fid-disa snin li ilha li għebet Madeleine, li kellha tliet snin dakinhar, kien hemm eluf ta’ rapporti li ntlemħet xi post jew ieħor fid-dinja. Hi kienet għebet ftit qabel kellha tgħalaq erba’ snin. F’Mejju li ġej ikun għeluq it-13-il sena tagħha.
Imma ommha temmen li aktarx bintha qatt ma telqet mill-pajjiż u l-kumpless turistiku hu l-post fejn tħoss li hi l-eqreb għaliha.
Hi qalet li r-riċerka li għamlet waslitha biex temmen li spiss, tfal li jinħatfu ma jittieħdux il-bogħod mill-post fejn ikun seħħ ir-reat.
McCann qalet li hi qatt ma qatet qalba speċjalment meta tisma’ stejjer ta’ nies li ilhom snin neqsin biex imbagħad ifeġġu x’imkien.
Kate McCann qalet dan hekk kif qed tmexxi kampanja ta’ ġimgħatejn fir-Renju Unit biex in-nies jirreġistraw għal- dak li qed jisejjaħ bħala Child Rescue Alerts.
Skema ffinanżjata mir-Royal Mail biex jintbagħat messaġġ fil-pront fuq il-mobiles, computers u tablets meta xi tifel jew tifla jgħeb. Hi qalet li kieku kien hemm sistema simili meta għebet i-tifla tagħha, forsi l-affarijiet kienu jintemmu b’mod differenti.
Rigward il-każ ta’ Madeleine McCann, minkejja li fl-2014 bdew jinvestigaw anki l-Pulizija Ingliża f’ħidma magħrufa bħala Operation Grange, ma kien hemm ebda żblokk. Il-Pulizija qalet li investigat aktar minn 60 persuna kif ukoll 8,685 rapporti li t-tifla ntlemħet x’imkien fid-dinja.