Lokali

Petizzjoni għall-sejħa għall-kompetizzjoni fis-suq taż-żejt f’Malta

Il-Malta Automobile Club ħabret li l-petizzjoni li għamlet bl-għan li tintbagħat lill-Parlament Ewropew, fir-rigward tan-nuqqas ta’ kompetizzjoni fl-importazzjoni, ħażna, u bejgħ tal-prodotti taż-żejt f’Malta; ġiet rreġistrata.

Il-pass li jmiss wara li din ġiet irreġistrata mill-Parlament Ewropew, hu li tgħaddi għand il-Kumitat tal-Petizzjonijiet li jiddeċiedi jekk din it-talba hijiex ammissibli fil-poteri tal-Unjoni Ewropea. B’hekk il-kumitat tal-Malta Automobile Club bħalissa qiegħed jistenna risposta jekk il-Kumitat tal-Petizzjoni tilqax din it-talba jew le.

Jekk din tiġi approvata, l-kumitat stqarr li se jippublika link għas-sit fejn wieħed ikun jista’ jappoġġja l-kawża tagħhom.

Huma stqarru, li preżentament, il-konsumaturi Maltin m’humiex igawdu mill-livelli ta’ kompetizzjoni li jitgawda fil-kumplament tal-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea. Apparti minn hekk is-sewwieqa bħalissa qegħdin iħallsu l-għola taxxa għar-reġistrazzjoni tal-vetturi mit-28 stat membru.