Għawdex Lokali Qorti

Probation u multa għal żagħżugħ li ħebb għal żewġ Uffiċjali tal-Pulizija

Mitlub ukoll iħallas għall-ħsarat li għamel

Żagħżugħ ta’ 18-il sena miż-Żebbuġ Għawdex tqiegħed ta’ ordni ta’ probation għal sentejn, kif ukoll kien immultat €800 u ordnat iħallas id-danni li kkawża wara li uża l-vjolenza kontra żewġ Uffiċjali tal-Pulizija fil-lejl ta’ bejn is-Sibt u lbieraħ. Il-każ seħħ għall-ħabta tas-2am fir-Rabat Għawdex.

Iż-żagħżugħ kien mixli fil-Qorti ta’ Għawdex li attakka, ħebb jew irreżista bi vjolenza lil Surġent u Kuntistabbli tal-Pulizija, kif ukoll li inġurjahom u heddidhom. Barra minhekk, hu kien akkużat ukoll li għamel ħsara fuq propjetà tal-Korp tal-Pulizija.

Akkużi oħrajn jinkludu wkoll li ż-żagħżugħ qal kliem oxxen u indiċenti fil-pubbliku, li volontarjament kiser il-paċi pubblika, li ma obdiex l-ordnijiet tal-Pulizija, li kien fis-sakra f’post pubblika u li insulenta jew hedded lil raġel ieħor.