Tal-anqas 23 persuna nqatlu meta bombi niżlu fuq tliet sptarijiet u skola fi bliet varji Sirjani matul il-ġurnata tat-Tnejn.
Dan hekk kif truppi Sirjani appoġġjati mill-ajru mir-Russja żiedu l-offensiva f’Aleppo.
F’Azaz, qrib il-fruntiera Torka, 14-il persuna nqatlu meta missili niżlu fuq skola fejn kienu qed jistkennu n-nies kif ukoll sptar għat-tfal fejn kien hemm tal-anqas żewġ vittmi.
F’Azaz, hemm battalja qalila għaddejja bil-ġellieda Kurdi javvanzaw lejn Bab al Salam fejn hemm qsim tal-fruntiera mat-Turkija, post li jinsab taħt il-kontroll ta’ militanti Iżlamiċi u qed javvanzaw lejh anki truppi Sirjani.
Bombi niżlu wkoll fuq kenn ieħor għar-refuġjati kif ukoll konvoj ta’ trakkijiet.
F’inċident separat, missili niżlu fuq sptar ieħor fil-belt ta’ Marat Numan f’Idlib fil-Majjistral tas-Sirja, sptar li kien appoġġjat mill-grupp umanitarju Médecins Sans Frontières (MSF). Hawn kien hemm tal-anqas seba’ imwiet fost il-ħaddiema u pazjenti, imma aktarx hemm aktar. F’Marat Numan, sptar ieħor intlaqat f’bumbardament u żewġ persuni nqatlu.
Is-suspetti ewlenin huma li dawn iż-żewġ sptarijiet intlaqtu f’attakk mill-ajru mir-Russi, li qed jappoġġjaw ir-reġim tal-President Bashar al-Assad.
Sptarijiet fil-mira fis-Sirja
