Lokali Parlament

Tkompli tiżdied il-lista ta’ ħatriet f’Positions of Trust

F’kariga ta’ Person of Trust u jitħalla jibqa’ jilbes l-uniformi tal-Protezzjoni Ċivili minkejja li rtira bl-età u m’għadux uffiċjal tal-Protezzjoni Ċivili

Il-lista ta’ persuni qrib il-Gvern Laburista ta’ Joseph Muscat li qed jingħataw karigi f’position of trust ma’ entitajiet governattivi, qiegħda dejjem tkompli tikber.

F’risposta għall-mistoqsija parlamentari li għamel il-Viċi Kap Nazzjonalista Beppe Fenech Adami, il-Ministru Carmelo Abela qal li Donald Cutajar kien “ingaġġat fuq bażi ta’ Person of Trust bħala Dog Handler”.

Ir-rwol tiegħu bħala K9 Technical Instructor jikkonsisti f’taħriġ tal-klieb kif ukoll tad-dog handlers tat-taqsima tal-Faċilità Korretiva ta’ Kordin għal detenzjoni ta’ droga kif ukoll dawk tat-taqsima tal-Protezzjoni Ċivili fil-qasam ta’ operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ ta’ persuni.

Minkejja li Donald Cutajar hu persuna li ġie ngaġġat fil-pożizzjoni ta’ Person of Trust mill-Gvern Laburista u qed jitħalla jilbes l-uniformi tal-Protezzjoni Ċivili, żamm l-istess rank li kellu qabel dak ta’ Lead Assistance Rescue Officer (LARO). Dan qed isir minkejja li Cutajar irtira bl-età u m’għadux uffiċjal tal-Protezzjoni Ċivili.

Meta l-Ministru Carmelo Abela kien mistoqsi mill-Viċi Kap Beppe Fenech Adami jekk Donald Cutajar għandux perkaċċi f’din il-Position of Trust, il-Ministru Abela qal li ma kellu xejn xi jżid ma’ dak li kien diġà wieġeb. Sorsi qrib il-Protezzjoni Ċivili qalu li Cutajar qed jieħu l-karozza tas-servizz miegħu d-dar u din tkun ipparkjata barra d-dar tiegħu.

Madwar 35 transfer fi ħdan il-Protezzjoni Ċivili biex jiġu akkomodati persuni qrib il-Partit Laburista
Il-ġimgħa li għaddiet ingħataw madwar 35 transfer fi ħdan il-Protezzjoni Ċivili biex jiġu akkomodati persuni qrib il-Partit Laburista. Minħabba dawn it-transfers “taghna lkoll” l-istation tax-Xemxija qed topera b’inqas nies minn dak li kien hemm.

L-istess sorsi qalu li t-tower ladder li hemm fl-istation ta’ Kordin ilu għal diversi xhur jaħdem imma mingħajr il-gaġġa li tintuża biex jiġu evakwati nies jew jiġi miġġieled in-nar li jkun hemm f’bini għoli. Tant hu hekk, li meta dan l-aħħar kien hemm nar li ħakem appartament f’Santa Luċija, il-persuni ġew evakwati bi slielem normali, kif wieħed seta’ jara mill-filmati li xxandru fl-aħbarijiet, li bilkemm kien ilaħħaq mal-gallarija.

Dan għaliex it-tower ladder ta’ Kordin ma setax jintuża. Tant hu hekk li minkejja li ntużaw is-slielem, xorta waħda t-tower ladder tax-Xemxija ġie mgħajjat fuq il-post.

F’inċident ieħor fl-aħħar ġimgħa fejn persuna ħassu ħażin fuq il-bejt f’residenza f’Birkirkara, kellu jissejjaħ għal darb’oħra t-tower ladder tax-Xemxija għax dak ta’ Kordin ma setax jintuża minħabba li m’għandux gaġġa.