Lokali

Valerie Borg issa tesprimi d-diżappunt lejn it-tmexxija Laburista

Wara l-ittra ta’ rabja lejn il-Ministru tat-Trasport Joe Mizzi, l-attivista veterana u eks Kunsilliera Laburista fil-Belt Valerie Borg (ritratt) issa terġa’ tikteb f’The Times b’diżappunt akbar, din id-darba lejn il-Gvern kollu u lejn it-tmexxija Laburista.

Fl-ittra tagħha, Valerie Borg esprimiet id-diżapprovazzjoni tagħha għall-mod li bih il-Gvern ta ‘jobs’ lill-ftit magħżula u li kienu fortunati. Issemmi fost l-oħrajn lil Cyrus Engerer, li ingħata pożizzjoni tajba ħafna b’paga fenomenali fi Brussell, kif ukoll lil Toni Abela, li se jibda jieħu l-eluf mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Issa sirt inviżibbli għal Toni Abela, kitbet Valerie Borg fl-ittra tagħha.

Din ta’ Borg ma kinitx l-unika korrispondenza li dehret fil-gazzetti fl-aħħar jiem. Dan hekk kif ilbieraħ, spikka wkoll avviż minn raġel li qal li ilu mill-2014 jibgħat l-emails u jċempel biex forsi jsirlu appuntament mal-Prim Ministru.

Madankollu, l-isforzi tiegħu kienu għalxejn, tant li kellu jirrikorri biex jixtri spazju bi ħlas fil-gazzetta MaltaToday bit-tama li Muscat jagħti kasu!