Lokali

Aġġornata: Aggressjoni f’Ħal Tarxien twassal għal feriment ta’ Surġent

Tliet membri tal-istess familja llum waranofsinhar kienu arrestati għal aktar stħarriġ, filwaqt li Surġent safa ferut ħafif, wara argument li seħħ għall-ħabta tas-1pm f’Ħal Tarxien.

Il-każ seħħ fi Triq San Ġużepp meta raġel ta’ 41 sena minn Bormla ċempel lill-Pulizija biex jirrapporta li kien ġie aggredit minn tliet Sirjani (raġel ta’ 47 sena, mara ta’ 40 sena u binhom ta’ 19-il sena), li skont il-Malti kienu armati b’arma li taqta’ u bil-ponta.

Mill-ewwel investigazzjonijiet tal-Pulizija jirriżulta li l-argument oriġina minn kawża ċivili li nstemgħet dalgħodu stess fil-Qorti. Fil-każ kienu nvoluti l-membri tal-familja Sirjana u missier ir-raġel minn Bormla.

Kif waslu fil-post, il-Pulizija mir-Rapid Intervention Unit ippruvaw jikkontrollaw is-sitwazzjoni. Madankollu, il-membri tal-familja Sirjana aggredew lill-membri tal-Korp. Kawża ta’ dan, is-Surġent Juan Mula sofra xi feriti u kellu jingħata l-kura medika. Barra minhekk, tkisser in-nuċċali ta’ Kuntistabbli ieħor li kien qed jassisti fl-arrest.

Fortunatament, kemm is-Surġent kif ukoll ir-raġel minn Bormla kienu ċċertifikati li qed isofru minn feriti ħfief. Il-persuni l-oħra ttieħdu l-Għassa ta’ Raħal Ġdid għal aktar stħarriġ, li qed jitmexxa mill-Pulizija tad-Distrett.