Lokali Unjoni Ewropea

Filmat: Metsola mhedda b’ħajjitha

Agħfas fuq l-istampa biex tara xi nkiteb fuq Facebook:
Il-Membru Parlamentari Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola rċeviet theddid fuq ħajjitha b’messaġġi fuq Facebook wara diskors li għamlet fil-Parlament Ewrwopej il-ġimgħa li għaddiet. Id-diskors segwa l-inċidenti li seħħew f’Cologne.

Jirriżulta li din mhix l-ewwel darba li Roberta Metsola kienet fil-mira ta’ attakki minħabba l-pożizzjoni tagħha dwar l-immigrazzjoni. Fl-2014, raġel kien kiteb li jispera li Metsola tkun abbużata mill-immigranti illegali, għalkemm aktar tard hu qal li xi ħadd kien daħallu fil-profil tiegħu fuq Facebook.

Kien is-Sibt li għadda li xi ħadd, taħt l-isem “Save Malta”, kiteb fuq Facebook li hemm bżonn li lil Metsola jisparawlha. Dan il-kumment kien mitkub taħt id-diskors tagħha dwar l-immigrazzjoni, li kien imtella’ fuq il-Facebook ta’ Metsola. Aktar tard il-messaġġ ta’ theddid tneħħa.

Sadanittant, fi stqarrijiet separati, kemm il-Partit Nazzjonalista kif ukoll l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia ddeploraw l-kummenti dispreġjattivi u messaġġi ta’ theddid li qed tirċievi l-Membru tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola. Messaġġi oħra ta’ kundanna u solidarjetà waslu mill-organizazzjoni Aditus.