Lokali

FILMAT: Owen Bonnici jmeri lill-espert tal-Kostituzzjoni Giovanni Bonello

Id-Deputati Laburisti jaqblu mal-Ministru Bonnici

Il-Ministru Owen Bonnici dalgħodu baqa’ jinsisti li “m’hemmx dubju” mill-eleġibbiltà min-nomina tal-Avukat Caroline Farrugia Frendo. Dan minkejja li fl-aħħar jiem komplew iqumu l-mistoqsijiet mill-validità tagħha li tkun membru tal-ġudikatura bħala Maġistrat.

F’kummenti ma’ NETnews.com.mt dalgħodu, il-Ministru Owen Bonnici qal ċar u tond li Farrugia Frendo hija “eleġibbli mija fil-mija” u li għaldaqstant se jkompli għaddej bil-ħatra tagħha bħala Maġistrat.

Caroline Farrugia Frendo hija t-tifla tal-Ispeaker Anġlu Farrugia.

Iżda d-dikjarazzjoni ta’ Owen Bonnici, li Farrugia Frendo “hija eleġibbli mija fil-mija” jmur kontra dak li qal l-espert tal-Kostituzzjoni Giovanni Bonello, li waqt programm televiżiv qal ċar u tond li “sakemm jiġu ċċarati d-diffikultajiet li tqajjmu fuq il-validità (ta’ Caroline Farrugia Frendo), ma jkunx għaqli li (l-Gvern) jibqa’ għaddej bin-nomina.”

Kien il-Gvern stess li għażel lill-espert tal-liġi Giovanni Bonello biex imexxi Kummissjoni li fix-xhur li għaddew għamlet numru ta’ rakkomandazzjonijiet dwar il-mod kif jinħatru l-membri tal-ġudikatura. Madanakollu, l-Gvern żamm dawn ir-rakkomandazzjonijiet fuq l-ixkaffa.

Filfatt, kellu jkun il-Partit Nazzjonalista li fi tliet ijiem għamel dak li m’għamilx il-Gvern fi tliet snin, u ppreżenta abbozz ta’ liġi fil-Parlament biex jinbidel il-mod kif jinħatru l-membri tal-ġudikatura.