Lokali

Filmat: Serqa minn ġojjellerija f’Raħal Ġdid matul il-lejl

Ġojjellerija f’Raħal Ġdid sfat fil-mira ta’ serqa li seħħet matul il-lejl li għadda.

Il-ħallelin kissru l-vetrina tal-ġojjellerija, li tinsab fi Pjazza Antoine De Paule, u serqu dak kollu li laħħqu b’idejhom. Filfatt, minn informazzjoni li għandu NETnews.com ma nsterqux flus iżda xi arloġġi li kien hemm fil-vetrina.

Jirriżulta li l-ħallelin ippruvaw ikissru l-parti ta’ isfel tal-ħġieġa tal-bieb. Madankollu, huma ma rnexxielhomx jagħmlu dan, tant li ma jidhirx li kien hemm xi żgass jew tkissir ieħor.

Kawża ta’ dan, il-prodotti f’partijiet differenti tal-ħanut u anke tal-vetrina ma ntmissux.

Hu mifhum li fl-investigazzjonijiet tagħhom, il-Pulizija qed isegwu filmati minn CCTVs li hemm fil-viċinanzi tal-ġojjellerija.