Gvern li tilef kull kuxjenza soċjali fil-kċejjen tal-miljunarji li tahom il-miljuni minn flus il-poplu
Iż-żidiet miżeri fil-pagi u min-naħa l-oħra għoli tal-ħajja esaġerat, qed jissarrfu f’morsa li qed jingħafas fiha l-ħaddiem iż-żgħir. Għafsa vera u reali fuq il-pagi tal-ħaddiema Maltin li qed tirriżulta wkoll miċ-ċifri li qed jagħtina l-Gvern stess.
Dan fissru fil-Parlament illejla x-Shadow Minister Jason Azzopardi fil-Parlament fid-dibattitu dwar l-Abbozz ta’ Liġi li jimplimenta l-miżuri tal-Baġit 2016.
Jason Azzopardi tkellem dwar esperjenza ta’ ħaddiem żgħir – deliveryman – li lmenta kif f’dawn l-aħħar sentejn għolew bil-qawwi l-prodotti tal-ikel li hu jqassam fil-ħwienet – l-aktar oġġetti essenzjali.
Semma li llum il-kelma ‘ħaddiem’ m’għadhiex tintuża u l-partit ta’ Joseph Muscat qed jara biss li tal-qalba jistagħnew imma l-ħaddiem iż-żgħir u l-pensjonant ibati minn żidiet baxxi fil-pagi u għoli tal-ħajja jirranka. Semma wkoll każ ta’ cleaner li l-kuntratt tagħha mad-Dipartiment tal-Edukazzjoni fi skola jiġġedded kull tliet xhur bi ħlas ta’ €4.20 is-siegħa.
Il-Gvern mhux jimpurtah mill-weġgħat tal-ħaddiem iż-żgħir u tal-pensjonant
Ix-Shadow Minister qal li minn dawn il-weġgħat, il-Gvern ma jimpurtah xejn, għax dak li jimpurtah illum hu li jagħti biex igawdu tal-qalba kif għamel mal-familja Gaffarena u mas-sidien tal-Cafè Premier.
Semma li f’Mejju tal-2012, Muscat kien wiegħed li ma jittollerax xogħol bi prekarjat mal-Gvern u wara li tela’ fil-Gvern, baqa’ jgħid li qed jindirizza x-xogħol prekarjat u li l-kumpaniji li jħaddmu bil-prekarjat mhumiex jiġu aċċettati mal-Gvern. Dan mhux minnu, qal Jason Azzopardi.
Semma kif xahar wara xahar il-Maltin qed iħossuhom aktar imħassba dwar il-korruzzjoni istituzzjonalizzata li reġgħet daħlet fil-vokabolarju tal-Maltin. Aktar stħarriġ li ġew ippubblikati qed juru kif minn dawk li vvutaw Labour fl-aħħar elezzjoni ġenerali, kwart huma nkwetati dwar pagi baxxi, għoli tal-ħajja, impjiegi mhux tajbin biżżejjed, u fuel għoli. Kwart ieħor huma nkwetati dwar l-immigrazzjoni li llum qed tfisser ħaddiema barranin li qed jiġu Malta u jaċċettaw pagi baxxi.
Fisser ukoll li żewġ terzi ta’ dawk li m’għandhomx livell ta’ edukazzjoni għoli huma nkwetati dwar dik li hi morsa li qegħdin fih.
Din il-morsa toħroġ ukoll mill-istatistika li jippubblika mill-Uffiċċju Nazzjonali Malti tal-Istatistika u dak Ewropew, il-Eurostat. Il-Eurostat juri li f’Malta qed inbatu l-ogħla għoli tal-ħajja fl-Unjoni Ewropea jew it-tieni l-ogħla inflazzjoni fl-Ewropa. Fl-aħħar ċifri tal-Eurostat ippubblikati fid-19 ta’ Jannar għall-għoli tal-ħajja f’Diċembru, Malta kellha t-tieni l-ogħla rata tal-għoli tal-ħajja fl-Unjoni Ewropea kollha.
Midalja tad-deheb għall-ogħla rata tal-għoli tal-ħajja fl-UE
F’Novembru u l-ħames xhur ta’ qabel, Malta kellha saħansitra l-ogħla rata tal-għoli tal-ħajja fl-Unjoni Ewropea kollha – il-midalja tad-deheb għal dan il-Gvern għal dak li hu negattiv u mhux għaliex aħna l-aqwa fl-Ewropa. Ikkwota miċ-ċifri tal-NSO, u qal li l-aħħar ċifri dwar l-għoli tal-ħajja fil-21 ta’ Jannar, juru li kellna rata tal-għoli tal-ħajja fil-prodotti tal-ikel li hi kważi t-tripplu tal-għoli tal-ħajja fil-prodotti kollha. Fis-sena sa Diċembru, il-ħajja b’mod ġenerali – fil-prodotti kollha – għoliet b’1.04%, imma fl-ikel il-ħajja għoliet bi 2.63%.
Ikkritika lill-Ministru tal-Finanzi li qed ibeżża’ bid-deflation – it-tnaqqis ġenerali fil-prezzijiet kollha li jista’ jwassal biex in-nies ma jixtrux. Imma f’Malta, qal ix-Shadow Minister, il-ħajja qed togħla kważi f’kollox u dan mhux ġej minn barra, għax minn barra ġej roħs fiż-żejt li f’Malta mhux jinħass u minn barra ġejja rata tal-inflazzjoni zero.
Għal kull €30 diesel il-Gvern qed jisirqek €15 u fil-petrol qed jisirqek €11
Jason Azzopardi qal li dawn huma fatturi lokali li qed jgħollu l-ħajja f’Malta u primarju fosthom hu l-fatt li l-Gvern qed iżomm il-fjuwils għoljin u qed jisraq lill-ħaddiem iż-żgħir u lil kulħadd 61ċ f’kull litru diesel u qed jisraq 49ċ f’kull litru petrol. Għal kull €30 diesel, il-Gvern qed jisirqek €15, waqt li għal kull €30 petrol, qed jisirqek €11. U dan mhux paragun ma’ xi pajjiż ieħor imma ma’ Malta stess meta fl-2003 ż-żejt kien bl-istess prezz dinji. Mal-prezzijiet għolja għall-petrol u d-diesel, illum ukoll żdied it-traffiku.
Spjega kif il-paga reali medja tal-ħaddiema kull ġimgħa fl-aħħar tal-2011 kienet ta’ €344.50 fil-ġimgħa, u fl-2012 żdiedet għal €349.50. Fl-2013, iżda, il-paga reali medja naqset b’0.8% għal €346.80 fl-ewwel sena ta’ dal-Gvern, baqgħet l-istess fl-2014, u minn dak li qed jgħid il-Gvern illum, il-paga reali medja f’Ġunju li għadda kienet għadha anqas minn kif kienet fl-aħħar tal-2012.
Il-ħaddiem qed ibati wkoll mill-kompetizzjoni minn ħaddiema barranin li jikkuntentaw bil-pagi baxxi
Tkellem ukoll fuq l-effett tal-immigrazzjoni li qed jinkwieta lill-ħaddiema kif juri kull stħarriġ li joħroġ. Dan meta hawn eluf kbar ta’ ħaddiema barranin bil-Gvern stess jammetti li nofs l-impjiegi li jinħolqu qed joħduhom ħaddiema barranin minn pajjiżi bħas-Sebja u l-Bulgarija u r-Rumanija fejn hemm pagi tant baxxi u lesti jikkuntentaw bil-pagi baxxi tagħna għax għalihom xorta huma aktar minn ta’ pajjiżhom.
Dan juri wkoll l-għafsa għax il-ħaddiem qed ibati wkoll kompetizzjoni minn ħaddiema barranin li jikkuntentaw bil-pagi li realment qed ikomplu jitbaxxew f’Malta.
Semma wkoll li l-effett tal-prezzijiet għolja tal-enerġija, qed jinħass fuq il-familji u l-ħaddiema, u wkoll fuq in-negozju. Sejjaħ dan bħala daqqa oħra għall-ħaddiem iż-żgħir u għall-pensjonant iż-żgħir minn Gvern li ma jafx xi tfisser paga ta’ anqas minn €1,000 fix-xahar għax dal-Gvern lill-privileġġjati tal-qalba jagħtihom €1,000 fil-ġimgħa mhux fix-xahar, apparti l-miljuni li ta lill-miljunarji li jħobb jiltaqa’ magħhom u jmur fil-kċejjen tagħhom.
Il-Partit Laburista nqata’ mill-ħaddiem iż-żgħir
Ikkritika lill-Partit Laburista li nqata’ mill-ħaddiem iż-żgħir u mhux iħoss l-għafsa li qed iħoss il-ħaddiem iż-żgħir fil-pagi baxxi u fil-prezzijiet għaljin għax tilef kull kuxjenza soċjali li seta’ kellu u tilifha fil-kċejjen tal-miljunarji li tahom il-miljuni minn flus il-poplu u minn ħwejjeġ il-poplu.