Ix-Shadow Minister għal Għawdex Chris Said ikkritika t-tmexxija tal-Gozo Channel u qal li l-kumpanija tal-Gvern qed titmexxa qisa waħda mill-proprjetà personali tal-Ministru Refalo, b’ħabi kbir fuq ix-xiri tal-fjuwil u ħabi fuq il-passes għal vjaġġi b’xejn lil tal-qalba.
Meta tkellem fil-Parlament fil-ħin tal-Aġġornament illejla, ix-Shadow Minister tkellem dwar il-ħabi u nuqqas ta’ trasparenza kontinwa li biha qed titmexxa l-Gozo Channel. Bħala eżempju, semma li fil-websajt tal-Gozo Channel tneħħiet il-lista dwar min kellu dritt għall-pass biex jivvjġġa b’xejn, bil-Ministru ma jridx ippoġġi kopja tagħha fuq il-Mejda tal-Kamra u qed jirrifjuta li jwieġeb mistoqsijiet parlamentari dwar dan.
Semma wkoll li t-Times of Malta għamlet mistoqsijiet taħt il-freedom of information act, bil-Ministru jerga’ jirrifjuta li jwieġeb u qal li l-free passes jinħarġu b’awtorizzazzjoni tal-Ministru. Ix-Shadow Minister Chris Said saħaq li se jibqa’ jinsisti li dawn l-ismijiet jigu pubblikati anke jekk bħalissa qed isir sforz biex uħud li kellhom il-kard fl-aħħar sena jew sentejn tinbidel ma’ xi ħaġa oħra meta hemm paniku fl-uffiċċju tal-Gozo Channel u fil-Ministeru fuq dawn l-ismijiet li għandhom il-kard.
Sfida lill-Ministru Refalo li jekk m’għandux x’jaħbi jippubblika l-ismijiet ta’ dawk li jaqsmu b’xejn u r-raġuni għaliex ngħataw dan il-privilegg. Staqsa jekk il-Ministru hux juża dawn il-passes biex jagħlaq ħalq xi nies jew biex ikun hemm min jaġevolah fil-media.
Ħabi fuq xiri ta’ fjuwil
Tkellem ukoll dwar il-ftaħir tal-Ministru dwar il-profitti fl-aħħar sena tal-Gozo Channel. Filwaqt li qal li hu ta’ sodisfazzjoni li tagħmel profitti, spjega li fi żmien Gvern Nazzjonalista tant il-kumpanija għamlet profitt li użat miljuni biex għamlet ir-rampi fuq it-tieni vapur biex hekk dan ġie jesa d-doppju u issa l-Gozo Channel għandha żewġ vapuri bl-ixkafef. Spjega wkoll li għamel mistoqsijiet parlamentari biex il-Ministru jgħid kemm il-kumpanija xtrat fjuwil, u kemm nefqet fi fjuwil bejn l-2012 u l-2015 kull sena.
Chris Said ikkritika wkoll lill-Ministru li għal darb’oħra rrifjuta li jwieġeb bl-iskuża li din hija informazzjoni kummerċjalment sensittiva. Dan meta ftit xhur ilu kien ta informazzjoni dwar kemm inxtara fjuwil, u mingħand min, fl-ewwel sitt xhur tas-sena 2015. Filwaqt li staqsa għaliex il-Ministru issa ma jridx jagħti din l-informazzjoni u qed jgħid li kien żball li ngħatat l-informazzjoni, saħaq li l-Ministru għandu l-obbligu li jagħti din l-informazzjoni ta’ kumpanija pubblika li qed tieħu wkoll finanzjament mill-Gvern u qed topera b’ vapuri li huma tal-Gvern.
Konsulenti galore mal-Gozo Channel
Chris Said tkellem ukoll dwar il-galore ta’ konsulenti li għandu l-Ministru dwar il-Gozo Channel. It-tliet konsulenti fil-Ministeru tiegħu huma fost ħafna konsulenti oħra li xogħolhom hu biss pariri fuq il-Gozo Channel. Dan barra l-Bord tad-Diretturi li kollha mħallsin mit-taxxi tal-poplu. Semma li issa qed jissemmew żewġ konsulenti oħra li daqt jitqabbdu mal-kumpanija hekk kif saħaq li l-Ministru qed juża l-kumpanija biex jagħlaq ħalq lil min irid jaqdi.
Ħaddiema bil-prekarjat
Tkellem ukoll dwar kif fl-aħħar xhur ġew ingaġġati ħaddiema mal-Gozo Channel permezz ta’ kuntratt li ngħata lill-kuntrattur biex jiġi evitat is-sejħiet kif suppost isir f’kumpanija pubblika. Dawn qed jiġu mħaddma bhala cleaners, fil-bar, mal-mollijiet u postijiet oħra bil-paga minima jew kważi, u qed jaħdmu ma’ ħaddiema oħra li huma impjegati direttament mal-kumpanija u li jagħmlu l-istess xogħol tagħhom iżda dawn tal-aħħar jitħallsu ferm aktar minnhom. Sejjaħ dan bħala sfruttament tal-ħaddiema minn Gvern tal-Partit suppost tal-ħaddiema u li tela’ bl-għajta li ser jeqred il-prekarjat meta llum hu stess qed iħaddem bil-prekarjat.
Ambulanzi jitħallew l-art
Tkellem ukoll dwar inċident li seħħ illum mal-vapur tas-7.30am mill-Imgarr lejn Malta, meta żewg ambulanzi bil-pazjenti fihom li kellhom jittieħdu għal aktar kura f’Mater Dei għax Għawdex ma setgħux jingħataw din il-kura, tħallew l-art u kellhom jistennew għal vapur ta’ wara – dak tat-8.15am. Staqsa għaliex ġara dan u jekk hux veru li fuq l-istess vapur kien hemm il-Ministru għal Għawdex li għal karozza tiegħu kien hemm post.
Kaos fl-Imġarr kull nhar ta’ Ħadd filgħaxija u tbatija għall-istabbilimenti kummerċjali
Ix-Shadow Minister tkellem ukoll dwar is-sitwazzjoni ta’ 17-il stabbiliment kummerċjali li hemm fl-Imġarr, ristoranti, bar u gabbani kull nhar ta’ Ħadd filghaxija u kif dawn qed jiffaċċjaw problemi għaliex l-Imġarr qed jingħalaq minn fuq biex ikun jista’ jifforma l-kju tal-karozzi għall-vapur. Din qed toħloq ukoll problema għal Għawdxin li jkunu sejrin Malta bħala passiġġieri u mhux bil-karozza fejn min ikun irid iwassalhom diffiċli jasal sat-terminal.
Irrimarka li l-istabbilimenti li hemm li jkunu qed jistennew il-weekend għal ftit xogħol sewwa, spiċċaw jistgħu jagħlqu nhar ta’ Ħadd filgħaxija minħabba l-immaniġġjar tat-traffiku u l-għeluq tal-Imġarr. Appella ghal soluzzjoni immedjata.
Skiet u ebda spjega dwar it-twaqqif tal-vjaġġi lejn Sa Maison
Materja oħra li tkellem dwarha Chris Said kienet b’rabta mat-twaqqif xahrejn ilu, tas-servizz li kien ilu jinghata diversi snin lejn Sa Maison għat-trakkijiet kollha tal-merkanzija li issa jridu jmorru c-Cirkewwa u jigu mic-Cirkewwa. Dan is-servizz twaqqaf minkejja l-assigurazzozni tal-Ministru Refalo li dan is-servizz mhux ser jieqaf u li jekk il-vapuri ma jkunux jistgħu jittrakkaw f’ Sa Maison, tinstab soluzzjoni fil-Port il-Kbir. Dan qed jissarraf f’aktar spejjeż ghal burdnara Ghawdxin li eventwalment ser jirriflettu fuq il-prezz tal-prodotti u servizzi f’Għawdex.
Ikkritika lill-Gozo Channel li qed tikser il-kuntratt mal-Gvern għaliex hi obbligata bil-kuntratt li tipprovdi servizz lejn Sa Maison jew il-Port il-Kbir. Appella lill-Ministru Joe Mizzi li hu responsabbli mis-settur tat-trasport, jara li dan l-obbligu fil-kuntratt jiġi osservat u li l-flus li qed jithallsu taht l-Public Service Obbligation Contract tal-Gozo Channel mal-Ministeru tieghu mhux qed jithallsu ta’ xejn. Appella wkoll lill-Ministru Refalo jara li dan is-servizz mhux biss jerga’ jibda, imma jkun aktar frekwenti għax jekk le nkunu qed niksru s-Sea Transport Directive tal-UE li tobbligana li fejn nistghu l-merkanzija għandha tigi trasportata bil-bahar.
Waste Transfer Station inawgurat b’pompa iżda għadu ma jiffunzjnax
Semma wkoll kif kważi tliet xhur wara li kien inawgurat b’ħafna pompa l-Waste Transfer Station f’Tal-Kus fix-Xewkija, dan l-impjant għadu mhux jiffunzjona u sal-lum ma daħal l-ebda skart fih, bl-iskart għadu jmur ix-Xagħra biex jittieħed Malta.
Appella lill-Ministru għall-Ambjent jispjega għaliex dan l-impjant, mibdi u maħsub minn Gvern Nazzjonalista, għadu ma jaħdimx, jispjega x’fadal isir, xkien fadal isir meta ġie inawgurat, x’apparat hemm fih li ma ħadimx meta ġie ppruvat u jekk hux veru li s-sistema tal-elettriku qed terġa’ ssir mill-ġdid. Ix-Shadow Minister għal Għawdex qal li jistenna risposti ċari fuq proġett kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea b’ħafna mistoqsijiet fuqu.
Deċizjoni tal-Ministru taqdi lil xi ħadd biex ikollu iżjed spazju għall-imwejjed u siġġijiet
Tkellem ukoll dwar dak li qed isir fiċ-ċentru ta’ Marsalforn – eżatt fuq il-pont li jgħaqqad il-Menqa mal-front ta’ Marsalforn fejn dehru l-ħaddiema tal-Gvern biex nofs dik li sal-lum kienet triq, tinbidel f’bankina wiesgħa. Chris Said qal li jidher ċar li ser titneħħa waħda miż-żewġ karreġġjati li kien hemm għall-karozzi biex din il-bankina sservi lil xi ħadd.
Minkejja li fuq iż-żewġ naħat diġà hemm bankina, jidher li l-Ministeru għal Għawdex ħa deċiżjoni li jaqdi lil xi ħadd biex ikollu iżjed spazju fejn ipoġġi mwejjed u siġġijiet milli għandu bħalissa. Irrimarka li snin ilu wkoll kien sar attentat simili iżda Gvern Nazzjonalista kien waqaf lil min ried iċekken it-triq u ma ħalliex dan ix-xogħol isir. Issa jidher li dak li ma rnexxiex snin ilu ser isir illum.
Sejjaħ bħala tal-mistħija kif il-Gvern illum qed jittratta l-proprjetà pubblika u talab lill-Ministru għal Għawdex jispjega x’inhu għaddej, għal min qed isir dan ix-xogħol u għaliex ser tittieħed nofs it-triq.
//= $special ?>