Il-Gvern mhux qed jirreaġixxi għas-sitwazzjoni ta’ barranin li qed jieħdu xogħol il-Maltin għaliex is-salarji huma aktar baxxi
Id-Deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici appella lill-Gvern biex jagħmel il-ġlieda f’isem il-ħaddiema Maltin għal aktar kundizzjonijiet aħjar b’pagi tajbin, u jaffronta u jieħu azzjoni favur il-ħaddiema Maltin fid-De La Rue.
Meta tkellem dalgħodu fid-dibattitu parlamentari dwar l-Abbozz ta’ Liġi li jirrigwarda l-Estimi tal-Baġit, id-Deputat Nazzjonalista saħaq li għandha ssir ħidma biex naraw li l-Maltin jingħataw salarji u pagi tajbin meta qed ngħixu f’realtà li d-dħul għall-ħaddiema qed jonqos u mhux jiżdied.
Is-silenzju tal-Gvern itarrax dwar il-ħaddiema tad-De La Rue
Semma l-ħaddiema tad-De La Rue u qal li s-silenzju tal-Gvern itarrax fuq it-tnaqqis ta’ ħaddiema minħabba r-ristrutturazzjoni, meta din il-kumpanija se tiftaħ f’pajjiżi oħrajn b’cheap labour waqt li f’Malta se tnaqqas. Ikkritika lill-Gvern li ilu jħalli dan għaddej sa mill-1 ta’ Diċembru, bil-ħaddiema ma jafux x’se jiġri minnhom. Semma li l-Maltin iridu jerġgħu japplikaw mill-ġdid biex iżommu l-impjieg tagħhom. Il-Gvern mhux qed jinżel u jaffronta din il-battalja f’isem il-ħaddiema Maltin f’kuntest ta’ kumpanija li qed tinvesti iżda tnaqqas ħaddiema Maltin u dan bla ma l-Gvern Malti jirreaġixxi.
Appella lill-Gvern jagħmel il-ġlieda f’isem il-ħaddiema Maltin għaliex wara din l-esperjenza ta’ din il-kumpanija, jista’ jkun hemm kumpaniji oħrajn li jagħmlu l-istess. Appella biex jiddefendi l-interessi tal-ħaddiema Maltin kif kien għamel Gvern Nazzjonalista f’sitwazzjonijiet simili u diffiċli, iżda fi klima wkoll ta’ kriżi ekonomika dinjija. Saħaq li l-Oppożizzjoni se tibqa’ tkun it-tarka tal-ħaddiema u se tibqa’ titkellem favur id-drittijiet tal-ħaddiema.
Problemi kbar li l-Gvern qed jinjora
Carm Mifsud Bonnici tkellem dwar l-ekonomija u x-xogħol, u qal li quddiem l-impressjoni li kollox sejjer tajjeb, hemm l-impressjoni oħra li mhux qed jittieħdu miżuri biex jitħarsu d-dinjità u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema. Tkellem dwar kif fl-aħħar snin rajna żviluppi u statistika pożittiva, iżda li wara dan kollu hemm problemi kbar li l-Gvern qed jinjora, bħalma hi l-problema tal-prekarjat. Din hi sitwazzjoni li fiha l-ħlas lill-ħaddiema baqa’ jkun wieħed baxx u li dan qiegħed jiġi wkoll rifless fil-pakketti li qed joħorġu fit-tenders li qed juru l-istess ċifri li kienu jsiru qabel.
Semma ċ-ċifra ta’ 60,000 b’impjieg b’part-time u li ħafna minnhom għandhom ukoll impjieg full-time. Dan għaliex il-ħlas tagħhom fil-prekarjat hu baxx u għaliex l-impjieg stabbli wkol hu bi dħul baxx. Ikkritika lill-Gvern li t-titjib fl-ekonomija mhux qed jiġi rifless fil-faxxa tas-soċjetà li hi batuta u li llum qed tkompli tagħmel aktar sinjur lil min hu diġà sinjur, meta l-pagi ta’ min hu minn taħt qed jibqgħu baxxi. Appella li l-ekonomija għandha tkun għas-servizz tan-nies u mhux bil-kontra.
Salarji baxxi għan-nisa
Tkellem ukoll dwar ix-xogħol li qed jinħoloq għan-nisa, li qal li dan hu f’tindif jew f’xogħol li hu baxx ħafna. Dan hu rifless kemm f’xogħol full-time kif ukoll fil-part-time fejn il-mara li qed toħroġ taħdem mhix issib kundizzjonijiet, ambjent u salarju tajjeb. Sejjaħ din is-sitwazzjoni bħala ta’ nkwiet, bħalma hi s-sitwazzjoni tal-pensjonanti u ta’ dawk li laħqu l-età tal-pensjoni iżda m’għandhomx dħul biżżejjed, u għalhekk iridu jagħmlu xogħol part-time. Jirriżulta li fuq kull distrett elettorali, huma madwar elf li jirċievu pensjoni taħt il-€500. Meta wieħed janalizza x’qed idaħħlu l-pensjonanti, isib li dan id-dħul mhux dinjituż.
Ma’ din is-sitwazzjoni, kompla Carm Mifsud Bonnici, qed naraw nies iżda li qed jiddaħħlu mal-Gvern mill-privat f’sitwazzjoni li s-settur privat mhux jimla l-vojt ta’ dawn il-postijiet mill-Maltin iżda mill-barranin. Minn dawn il-ħaddiema barranin hawn 30,000.
Spjega li s-sigriet hu li dawn il-barranin qed jieħdu xogħol il-Maltin għaliex is-salarji huma aktar baxxi u l-Gvern mhux qed jirreaġixxi għaliex iż-żieda fl-impjiegi qed juru ċifri sbieħ iżda li mhumiex jissarrfu f’ġid għall-Maltin.
Semma s-settur tan-negozju u l-kwantità ta’ negozji li qed jiftħu mill-barranin, u saħaq li jekk se jiftħu negozju dan irid ikun fl-istess livell ta’ negozji simili ta’ Maltin. L-istatistika qed turi li fejn qabel kienu jinstabu 140 persuna jabbużaw kull sitt xhur, bl-istess uffiċjali llum l-abbużi telgħu għal 740.
Tkellem ukoll dwar il-kwistjoni taż-żgħażagħ li mhux f’impjieg, li mhumiex f’edukazzjoni u lanqas f’taħriġ. Irrikonoxxa li għaddejjin sforzi mill-Gvern, iżda rrimarka li għad m’għandniex ċifra ta’ kemm huma dawn il-persuni meta s-sena li għaddiet kien hemm kwart taż-żgħażagħ li spiċċaw minn skola u ma jistgħux jinstabu għaliex mhumiex f’impjieg, f’edukazzjoni jew f’taħriġ.
Il-wegħda tal-living wage m’għadhiex tissemma
Semma li fl-aħħar kampanja elettorali Muscat sfrutta l-midja soċjali u hawn min ma jridx jaf b’dak li jara fuq dan il-Gvern. Appella lill-Gvern biex jiċċaqlaq għall-ħaddiema Maltin biex ikollhom kundizzjonijiet aħjar u staqsa x’sar mil-living wage li tant webbel biha dan il-Gvern meta kien qal li se jġib salarji daqs tal-Ewropa, meta llum is-salarji qed jersqu lejn pajjiżi oħrajn u mhux dawk Ewropej.