Lokali

Il-Gvern jgħid li s-sitwazzjoni fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin ġiet lura għan-normal

Il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali sostna li s-sitwazzjoni tal-influwenza H1N1 fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin tinsab taħt kontroll u s-sitwazzjoni ġenerali reġgħet lura għan-normal.

Fl-aħħar sebat ijiem ma kienx hemm każijiet ġodda ta’ influwenza u l-ebda priġunier m’għadu qed jinżamm f’iżolament.

Il-kundizzjoni tal-priġunier li kien qiegħed jirċievi l-kura fl-ITU tjiebet u issa ġie trasferit għall-Medical Ward fl-Isptar Mater Dei.

Jirriżulta li fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin miet priġunier bil-virus H1N1 u kien hemm b’kollox madwar għaxar każi ta’ influwenza tat-tip A waqt li żewġ pazjenti ddaħħlu fl-Isptar minħabba sintomi respiratorji kawża ta’ virus tal-influwenza.

Il-Ministru Abela fakkar li matul dan il-perjodu f’ħidma konġunta mal-Awtoritajiet tas-Saħħa ttieħdu diversi miżuri ta’ prevenzjoni. Bil-għan li l-influwenza ma tinfirix u dawk li wrew xi sintomu tal-influwenza ma baqgħux fiċ-ċelel ma’ persuni oħrajn, ġew iżolati u ttieħdu f’diviżjoni apparti. Fl-istess waqt, miżuri ta’ indafa komplew jiġu msaħħa, b’mod partikolari ħasil tal-idejn u iġene personali.