Internazzjonali

Il-Kanċer: Interess kbir f’terapija li għandha titqies bħala ‘pass ċkejken ‘il quddiem’

Qanqlet interess kbir terapija li jingħad li ‘tistimola’ r-reżistenza tal-ġisem biex tikkumbatti l-kanċer. Dan wara rapporti li aktar minn 90 fil-mija ta’ pazjenti bil-mard terminali li kienu suġġetti għall-provi urew titjib fil-kundizzjoni tagħhom.

Ir-rapporti qalu li ċelluli tad-demm bojod li ttieħdu minn pazjenti morda bil-lewkemija għaddew minn proċess ta’ modifikazzjoni fil-laboratorju qabel tpoġġew lura fil-ġisem.

Madankollu, l-esperti qalu li l-proċess għandu, biss, jitqies bħala ‘pass ċkejken’ fil-ġlieda kontra l-kanċer anki jekk il-provi huma ‘eċċitanti’. Intant, id-data inkwistjoni ma kenitx ippubblikata u lanqas ma għaddiet minn reviżjoni. Dan ukoll fost għajdut li żewġ pazjenti involuti fil-provi mietu ‘minn reazzjoni estrema mis-sistema immunitarja’.

L-aħbar dwar l-iżvilupp interessanti fil-ġlieda kontra l-kanċer ħarġet waqt il-laqgħa annwali tal-American Association for the Advancement of Science, f’Washington.

Ix-xjenzat ewlieni Stanley Riddell mill-Fred Hutchinson Cancer Research Institute ta’ Seattle, qal li t-trattamenti oħrajn kollha kienu fallew fil-pazjenti inkwistjoni li kellhom biss bejn xahrejn u ħames xhur ta’ ħajja.

Meta tkellem dwar il-proċess, Riddell qal li li ‘dan, essenzjalment, jipprogramma mill-ġdid t-cells, bil-mezzi ġenetiċi, u bl-iskop li ċ-ċelluli jirrikonoxxu u jeqirdu ċelluli bit-tumur tal-kanċer fil-pazjent’. It-t-cells kienu ttieħdu mingħand għexieren ta’ pazjenti bil-ħsieb li, ’il quddiem, jgħaddu mill-modifikazzjoni biex jeqirdu t-tissue infettat.