Internazzjonali

Il-Libja: ‘Opportunità għall-paċi li m’għandhiex titwarrab’

Il-medjatur tan-Nazzjonijiet Uniti, Martin Kobler, fisser il-ftehim għal Gvern Libjan ġdid ta’ għaqda bħala ‘opportunità eroika għall-paċi fil-Libja li m’għandhiex titwarrab’.

Dan meta l-Prim Ministru magħżul tal-Libja, Fayez al Sarraj, approva lista ġdida ta’ Ministri li se jmexxu l-amministrazzjoni ġdida għall-għaqda nazzjonali. Intant, Sarraj kien mistenni jirritorna fil-Parlament ta’ Tobruk għal vot ta’ fiduċja li qed jopponu s-sostenituri tal-Ġeneral Khalifa Haftar li qed imexxi l-qawwiet Libjani f’dawk l-inħawi.

L-approvazzjoni tal-lista bi 13-il Ministru u ħames Ministri tal-Istat intlaqgħet tajjeb minn numru ta’ diplomatiċi u osservaturi. Fl-istess ħin, iżda, Martin Kobler, li hu diplomatiku mill-Ġermanja, qal li hu ‘kruċjali’ li l-Kamra tar-Rappreżentanti f’Tobruk tappoġġja lill-Gvern ġdid tal-Libja.

Il-Ministru Taljan għall-Affarijiet Barranin, Paolo Gentiloni, ukoll qal li hu sodisfatt bl-aħħar żviluppi u qed jittama li l-Gvern Libjan ġdid ikompli jikkonsolida postu fil-jiem li ġejjin.

Mindu, fl-2011, spiċċa r-reġim tal-eksdittatur Muammar Gaddafi, il-Libja baqgħet tbati minn konflitt ċivili u l-Gvern ġdid għall-għaqda, issa, jieħu post iż-żewġ Gvernijiet rivali li kienu ilhom effettivi għal xhur konsekuttivi. Dawn huma l-Gvern ta’ Tobruk li jgawdi għarfien internazzjonali u l-ieħor, iddominat mill-Iżlamiċi, li għandu s-sede fi Tripli.